Tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien wieħed storiku għal Partit Nazzjonalista hekk kif il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista approva statut ġdid. Bla dubju ta’ xejn dan l-istatut ġdid kien il-frott ta’ ħidma sfieqa mmexxija minn Louis Galea u l-frott tal-kontribut ta’ ħafna. Jekk wieħed jifli l-bidliet li hemm f’dan l-istatut rivedut wieħed malajr jinduna li din ir-reviżjoni mhijiex waħda kosmetika imma hija reviżjoni li jekk tiġi mħaddma twassal għal bidla ta’ kif issir il-politika fil-Partit Nazzjonalista.
Naturalment il-ħidma għat-tiġdid ma’ ġietx fi tmiemha bl-approvazzjoni ta’ statut ġdid. Anzi, l-approvazzjoni ta’ statut ġdid hija biss il-bidu tal-ħidma għaliex fl-aħħar mill-aħħar statut huwa biss biċċa karta jekk l-ispirtu tiegħu ma’ jiġix abbraċat u mħaddem.
Meta ngħidu li qegħdin nħaddnu proċess ta’ riforma u tiġdid ma’ jfissirx li qegħdin ngħatu dahrna lejn il-passat jew ninsew il-ħidma ta’ missirijietna. Jfisser anzi inversament li qegħdin ngħatu l-ħajja lil dik il-ħidma billi nħarsu lejn il-futur u npoġġu lil dan il-partit f’posizzjoni tajba sabiex jirbaħ l-isfidi tal-futur.
Bħal kull bidla oħra ser ikun hemm mumenti ta’ sfidi. Ser ikun hemm mumenti fejn forsi tiġi t-tentazzjoni li we play it safe u nitħajru nmorru għal dak li nafu. Hawn jeħtieġ li mhux statut ġdid biss ikollna imma attitudni ġdida. Jeħtieġ li minflok dubju jkollna kurraġġ. Jeħtieġ li naraw dak li huwa differenti min dak li seħħ qabel bħala opportunita’ u mhux thedida.
L-istorja tal-Partit Nazzjonalista hija mimlija b’mumenti fejn il-bidla mhux talli ma’ beżżgħatx lil dawk fil-Partit Nazzjonalista talli spirathom minkejja li forsi kien ikun faċli li jibżgħu. Hawn jidħol l-obbligu u d-dover ta’ kull min bħali huwa attivist tal-Partit Nazzjonalista.
Bħal donnu kullħadd jaqbel li proċess ta’ riforma u tiġdid huwa ta’ ġid għal Partit Nazzjonalista. Bħal donnu kullħadd qabel ma’ l-ispirtu ambizzjuż tar-riforma mmexxija minn Louis Galea. Issa jeħtieġ li nxammru l-kmiem u noffru l-kontribut attiv u sħiħ tagħna f’dan is-sens. Jeħtieġ li naraw kif nemmnu li nistgħu nkunu fattur li jagħmel differenza fil-Partit Nazzjonalista.
Jekk tassew hija x-xewqa tagħna li naraw Partit Nazzjonalista mġedded u vibranti allura rridu nkunu aħna fuq quddiem nett li noffru li nkun id attiva li twassal għal dak l-istat. Huwa faċli tgħid x’tixtieq u tistenna lil ħaddieħor jasal għaliha; huwa aktar produttiv li tagħmel viżjoni waħda li hija tiegħek u allura taħdem b’risq dik il-viżjoni. Xejn ma’ jseħħ waħdu, xejn ma’ jseħħ ġo vacum; dak li jiġri, jiġri għaliex ikun hemm min jagħżel li he stands up to be counted.
Fuq kollox li jkollna Partit Nazzjonalista ħaj u vibranti mhijiex kwistjoni ta’ xi pika partiġġjana qisha xi logħba derby tal-football. Huwa fl-akbar interess ta’ pajjiżna li l-Partit Nazzjonalista jkun vibranti u fl-aħjar posizzjoni biex ikun effettiv. Id-demokrazija Maltija ma’ tistax tiffunzjona jekk il-Partit Laburista jħoss li għalih l-isfida politika hija faċli. Id-demokrazija Maltija teħtieġ li f’kull ħin u mument ikollna sistema rigoruża ta’ checks and balances.
L-istorja tal-Partit Nazzjonalista hija mimlija b’paġni tad-deheb. Il-kisba ta’ l-indipendenza taħt Ġorġ Borg Olivier, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-ġlieda għal liberta’ taħt Eddie Fenech Adami, s-sħubija fil-munita Ewro taħt Lawrence Gonzi u l-battalja b’risq is-sewwa taħt Simon Busuttil u Adrian Delia.
Jien konvint li l-Partit Nazzjonalista għad għandu ħafna paġni tad-deheb x’jikteb. Jien konvint li l-Partit Nazzjonalista għad għandu mumenti kbar ta’ glorja x’joffri lil pajjiżna. Jien konvint li l-Partit Nazzjonalista għad għandu ħafna x’jgħati lil dan in-nazzjon. U propju għaliex jien daqstant konvint ninstab ħerqan, anzjuż u mimli enerġija sabiex noffri l-ħidma tiegħi b’mod dirett f’dan il-proċess ta’ tiġdid.
Awguri
Nawgura lil dan il-ġurnal anniversarju mill-isbaħ hekk kif in-Nazzjon issa ilha ħamsin sena fostna. Kburi li fil-limiti tiegħi nikkontribwixxi b’mod regolari f’dan il-ġurnal bi storja hekk rikka.