Thursday, September 28, 2017

26 sena ta' Radio 101

Radio 101 illum qiegħed jiċċelebra s-26 anniversarju tiegħu. 26 sena ilu Radio 101 ingħaqad mal-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista bħala mezz ieħor ta’ xandir fi ħdan l-fergħa tal-media tal-Partit Nazzjonalista. Illum jifforma parti minn katina ta’ mezzi differenti fosthom il-portal NET News, l-istazzjon tat-television NET Television u l-gazzetti In-Nazzjon u Il-Mument. 

Bla dubju ta’ xejn Radio 101 huwa stazzjon li jgħaddi kemm jgħaddi ser jibqa’ dejjem f’qalbi. Matul kważi għaxar snin li għamilt naħdem fil-kamra ta’ l-aħbarijiet bħala ġurnalist il-maġġoranza tal-ħidma tiegħi kienet fuq Radio 101. Żmien li bla dubju ta’ xejn ser nibqa’ ngħożż għal dejjem. Kelli l-unur u l-opportunita’ naħdem ma’ uħud mill-aqwa ġurnalisti f’pajjiżna. 

Iżda r-rabta tiegħi ma’ Radio 101 tmur saħansitra aktar lura mill-impjieg tiegħi fi ħdan il-kamra ta’ l-aħbarijiet. Propju tmur lura għaż-żmien meta kont nagħmel l-analiżi tal-ġurnali; l-ewwel rwol tiegħi fuq Radio 101. Illum, minkejja li m’għadniex parti mill-kamra ta’ l-aħbarijiet, għadni b’mod attiv nikkontribwixxi fuq l-istazzjon Radio 101 permezz tal-programm ta’ attwalita’ politika ‘Taħdidiet’ li jixxandar kull nhar ta’ Sibt filgħodu bejn l-għaxra u nofs in-nhar. 

Bla dubju ta’ xejn Radio 101 jibqa’ għal dejjem għal qalbi b’mod speċjali minħabba l-programm ‘Mill-Lenti Żgħażugħa’ li kont ntellgħa flimkien ma’ Charlene madwar 4 snin ilu. 

Min hawn nrodd ħajr u grazzi lis-semmiegħa kollha ta’ Radio 101. Il-lealta’ tagħkom tgħati lil kullħadd l-enerġija meħtieġa sabiex l-istazzjon ikollu futur sabiħ. Nħares il-quddiem lejn it-tkomplija tat-tisħiħ ta’ Radio 101 u ta’ aktar titjib f’Radio 101. Minn naħa tiegħi nibqa’ dispost li noffri l-enerġija tiegħi kollha fi ħdan dan l-istazzjon tant għal qalbi. Happy 26th Anniversary Radio 101!