Thursday, June 28, 2018

The Blockchain Island

Il-bieraħ bħala Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) organizzajna konferenza bit-titlu The Blockchain Conference. Konferenza li matulha kellna kelliema, lokali u internazzjonali, li għenu sabiex inkisbet aktar informazzjoni dwar il-blockchain u l-crypto currencies.

Forsi l-ewwel u qabel kollox tajjeb li fi kliem sempliċi wieħed ifisser il-kliem blockchain u crypto currency. Fi kliem sempliċi ħafna blockchain hija sistema moderna u elettronika ta’ kif jinżamm kont ta’ transazzjonijiet. Bħalma fil-passat mill-ktieb tal-bank qlibna għall-internet banking u l-ATM Machines hekk ukoll il-blockchain jirrapreżenta l-pass li jmiss. Naturalment, bħalma spiss jiġri fl-avvanzi teknoloġiċi, l-blockchain mhijiex xi ħaġa ta’ interess għal bankiera biss imma għandha użu u implikazzjonijiet ferm aktar wiesgħa. Fil-fatt jekk wieħed jisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-blockchain il-bidla ser taffetwa prattikament kull qasam fejn hemm transazzjoni.

Minn naħa l-oħra crypto currency hija mekkaniżmu ta’ investiment. Forsi mal-qarreja ta’ In-Nazzjon il-kelma Bitcoin hija aktar familjari minn crypto currency. Fir-realta’ Bitcoin hija biss eżempju wieħed ta’ crypto currency minn fost ħafna li hemm fis-suq. Mhijiex munita li biha tmur tixtri l-gazzetta jew tmur għand is-supermarket tagħmel ix-xirja. Hija pero’ tip ġdid ta’ investiment, li bħal kull investiment ieħor jista’ jitla’ jew jinżel fil-valur.

Irridu jew ma’ rridux dawn l-avvanzi ser jimpattaw lil Malta. Bħala pajjiż fejn is-settur finanzjarju huwa kolonna importanti fl-ekonomija, jeħtieġ li minflok nibqaw ċassi u nistennew sakemm nkunu lura nieħdu aħna l-ewwel pass u nilqgħu dawn l-avvanzi billi nippreparaw ruħna.

Pajjiżna jeħtieġ li jkollu qafas legali sod u robust sabiex ikun jista’ jkun minn ta’ quddiem nett kemm fl-adozzjoni tat-teknoloġija tal-blockchain kif ukoll fl-użu tal-crypto currencies. Dan il-qafas legali robust għandu jservi żewġ għanijiet prinċipali. L-ewwel u qabel kollox għandu jservi sabiex jiddefendi lil pajjiżna mill-possibilita’ ta’ abbuż. Bħal kull qasam ġdid, dan il-qasam, partikolarmanent il-crypto currencies, huwa miftuħ għar-riskju tal-abbuż. Abbuż li jkun ta’ detriment kemm għal konsumatur kif ukoll għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Qafas regolatorju sod jgħin sabiex niġġieldu kontra din il-possibilita’. It-tieni nies, il-fatt li Malta jkollha qafas stabilit u regolarizzat għandha tgħin sabiex investituri serji jaraw f’Malta ġurisdizzjoni attrajenti u b’hekk il-possibilita’ ta’ investiment serju f’dan il-qasam tiżdied.

Huwa f’dan l-ispirtu li l-gvern għandu jilqa’ b’idejn miftuħa passi bħalma għamlet l-FPPN li xxerred informazzjoni dwar dan il-qasam. Dan hekk kif il-gvern ser ikun qiegħed iressaq fil-parlament tlett liġijiet ġodda dwar dan il-qasam. Liġijiet li bla dubju ta’ xejn huma pass fid-direzzjoni t-tajba imma li bħal kull liġi ġdida jeħtieġ li dwarhom ikun hemm dibattitu serju, vivaċi, oġġettiv u miftuħ għas-suġġerimenti. Dibattitu li jista’ jkun b’saħħtu biss jekk l-iskrutinju jkun wieħed rigoruż. Il-gvern m’għandux jieħu tali skrutinju bħala xi ħaġa negattiva; anzi għandu jara tali skrutinju bħala opportunita’ sabiex ġa la darba dawn it-tlett abbozzi jsiru liġi jkollna qafas legali serju.

Is-suċess ta’ dan il-pass jiddependi ħafna min kif il-gvern ser jassigura li d-dibattitu jkun wieħed oġġettiv u mhux xi eżerċizzju ta’ rubber stamp approval. Huwa ċar ukoll mid-diskorsi tal-bieraħ kemm tal-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono kif ukoll mid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li l-Partit Nazzjonalista, bħalma diġa għamel f’bosta okkażjonijiet ser jimxi ggwidat mill-ispirtu ta’ l-aqwa interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox u mneżżgħa minn xi għamad partiġġjan.