Forsi l-ewwel u qabel kollox tajjeb li fi kliem
sempliċi wieħed ifisser il-kliem blockchain
u crypto currency. Fi kliem
sempliċi ħafna blockchain hija
sistema moderna u elettronika ta’ kif jinżamm kont ta’ transazzjonijiet. Bħalma
fil-passat mill-ktieb tal-bank qlibna għall-internet
banking u l-ATM Machines hekk
ukoll il-blockchain jirrapreżenta
l-pass li jmiss. Naturalment, bħalma spiss jiġri fl-avvanzi teknoloġiċi, l-blockchain mhijiex xi ħaġa ta’ interess
għal bankiera biss imma għandha użu u implikazzjonijiet ferm aktar wiesgħa.
Fil-fatt jekk wieħed jisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-blockchain il-bidla ser taffetwa prattikament kull qasam fejn hemm
transazzjoni.
Minn naħa l-oħra crypto currency hija mekkaniżmu ta’ investiment. Forsi mal-qarreja
ta’ In-Nazzjon il-kelma Bitcoin hija aktar familjari minn crypto currency. Fir-realta’ Bitcoin hija biss eżempju wieħed ta’ crypto currency minn fost ħafna li hemm
fis-suq. Mhijiex munita li biha tmur tixtri l-gazzetta jew tmur għand is-supermarket tagħmel ix-xirja. Hija pero’
tip ġdid ta’ investiment, li bħal kull investiment ieħor jista’ jitla’ jew
jinżel fil-valur.
Irridu jew ma’ rridux dawn l-avvanzi ser jimpattaw
lil Malta. Bħala pajjiż fejn is-settur finanzjarju huwa kolonna importanti
fl-ekonomija, jeħtieġ li minflok nibqaw ċassi u nistennew sakemm nkunu lura nieħdu
aħna l-ewwel pass u nilqgħu dawn l-avvanzi billi nippreparaw ruħna.
Pajjiżna jeħtieġ li jkollu qafas legali sod u
robust sabiex ikun jista’ jkun minn ta’ quddiem nett kemm fl-adozzjoni
tat-teknoloġija tal-blockchain kif
ukoll fl-użu tal-crypto currencies. Dan
il-qafas legali robust għandu jservi żewġ għanijiet prinċipali. L-ewwel u qabel
kollox għandu jservi sabiex jiddefendi lil pajjiżna mill-possibilita’ ta’
abbuż. Bħal kull qasam ġdid, dan il-qasam, partikolarmanent il-crypto currencies, huwa miftuħ
għar-riskju tal-abbuż. Abbuż li jkun ta’ detriment kemm għal konsumatur kif
ukoll għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Qafas regolatorju sod jgħin sabiex
niġġieldu kontra din il-possibilita’. It-tieni nies, il-fatt li Malta jkollha
qafas stabilit u regolarizzat għandha tgħin sabiex investituri serji jaraw
f’Malta ġurisdizzjoni attrajenti u b’hekk il-possibilita’ ta’ investiment serju
f’dan il-qasam tiżdied.
Huwa f’dan l-ispirtu li l-gvern għandu jilqa’
b’idejn miftuħa passi bħalma għamlet l-FPPN li xxerred informazzjoni dwar dan
il-qasam. Dan hekk kif il-gvern ser ikun qiegħed iressaq fil-parlament tlett
liġijiet ġodda dwar dan il-qasam. Liġijiet li bla dubju ta’ xejn huma pass
fid-direzzjoni t-tajba imma li bħal kull liġi ġdida jeħtieġ li dwarhom ikun
hemm dibattitu serju, vivaċi, oġġettiv u miftuħ għas-suġġerimenti. Dibattitu li
jista’ jkun b’saħħtu biss jekk l-iskrutinju jkun wieħed rigoruż. Il-gvern
m’għandux jieħu tali skrutinju bħala xi ħaġa negattiva; anzi għandu jara tali
skrutinju bħala opportunita’ sabiex ġa la darba dawn it-tlett abbozzi jsiru
liġi jkollna qafas legali serju.
Is-suċess ta’ dan il-pass jiddependi ħafna min kif
il-gvern ser jassigura li d-dibattitu jkun wieħed oġġettiv u mhux xi eżerċizzju
ta’ rubber stamp approval. Huwa ċar
ukoll mid-diskorsi tal-bieraħ kemm tal-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista
għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono kif ukoll mid-diskors tal-Kap tal-Partit
Nazzjonalista Adrian Delia li l-Partit Nazzjonalista, bħalma diġa għamel
f’bosta okkażjonijiet ser jimxi ggwidat mill-ispirtu ta’ l-aqwa interess
nazzjonali l-ewwel u qabel kollox u mneżżgħa minn xi għamad partiġġjan.