Thursday, April 19, 2018

Il-valur tal-ħajja u l-vot ħieles


Fl-aħħar jiem kien hemm dibattitu vivaċi dwar il-valur tal-ħajja u speċifikament dwar il-proposti ta’ tibdil fil-liġi li tirregola l-IVF f’pajjiżna. Fuq naħa l-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ jiftaħar li l-grupp parlamentari Laburista kien ser jivvota b’mod maqgħud dwar din il-materja; anke jekk fil-media feġġew rapporti persistenti ta’ oppożizzjoni ċara għal dak li qiegħed jipproponi l-gvern minn ħdan il-grupp parlamentari Laburista stess u fuq in-naħa l-oħra il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien konsistenti ma’ dak li kien wiegħed fil-kampanja sabiex ġie elett kap u fuq materja hekk sensittiva ta’ vot ħieles lill-grupp parlamentari Nazzjonalista sabiex kull deputat jivvota skond il-kuxjenza.

Din il-materja hija tassew waħda sensittiva u għalhekk bir-raġun li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ta’ vot ħieles. Fuq naħa din hija materja li għandha rabta ntrinsika mal-valur tal-ħajja u sagrosantita tal-ħajja. Materja b’rabta diretta mal-mument tal-konċeviment ta’ l-uman u mal-mod kif il-ħajja li tkun għadha mhux mwielda tiġi trattata u stmata. Minn naħa l-oħra hija wkoll materja li timpatta bil-qawwi tant u tant nies li jkollhom xewqa kbira li jibdew familja li tkun tinkludi l-ulied. Tant u tant nies li diġa jkunu għaddew minn martirju minħabba diffikultajiet sabiex jikkonċevu b’mod naturali u li jaraw lit-teknoloġija medika moderna bħala l-aħħar soluzzjoni sabiex ikollhom l-ulied.

Fuq kwistjoni hekk sensittiva u delikata diffiċli taqta’ linja bajda u sewda jew agħar min hekk, linja spirata mill-partiġġjaniżmu jew l-politika tal-pika jew il-kalkoli elettorali. Hija wkoll materja li dwarha, anke jekk wieħed ikollu fehma ċara, tajjeb li juri sensittivita’ fi kliemu.

Sfortuntament fl-aħħar jiem kien hemm ukoll nuqqas ta’ kjarezza dwar xiex qed nitkellmu; min forsi b’nuqqas ta’ għarfien u min forsi għax għoġbu jorbot kwistjonijiet oħra rabta ċoff ma’ din il-kwistjoni. Id-dibattitu hawn mhuwiex fuq il-proċedura ta’ l-IVF u jekk pajjiżna għandux jagħmel użu mit-teknoloġija ta’ l-IVF. L-IVF hija teknoloġija li tgħin fil-ħolqien tal-ħajja u li għenet bosta koppji u li bl-iżviluppi mediċi ser tkompli tgħin aktar koppji. Huwa sewwa u ġust li pajjiżna joffri t-trattament tal-IVF u sewwa u ġust li pajjiżna jkollu liġi dwar l-IVF li tkun waħda aġġornata maż-żminijiet. Min qiegħed jinqeda bid-dibattitu dwar it-tibdiliet proposti sabiex jattakka l-IVF b’mod ġenerali qiegħed jiżbalja bil-kbir u juri nuqqas ta’ sensittivita enormi.

Iżda l-proposti mressqa mill-gvern jmorru ferm lill’hinn minn sempliċi IVF li tgħin fil-ħolqien tal-ħajja fejn forsi b’mod naturali jista’ jkun hemm impediment ċar. Il-proposti mressqa jmorru ferm lill’hinn minn sempliċi każ ta’ aġġornament tal-liġi. Il-proposti mressqa mhumiex kwistjoni ta’ ugwaljanza jew nuqqas tagħha. Huwa ċar kristall li pajjiżna għandu jkun pajjiż fejn tirrenja ugwaljanza totali bejn is-sessi, bejn l-orjentazzjonijiet sesswali, bejn mudelli differenti ta’ familja u bejn nies b’fehmiet reliġjużi u politiċi differenti.

Il-problema tal-proposti mressqa hija unikament il-fatt li dawn il-proposti għandhom diffetti legali kbar, jgħatu lok għal ambigwitajiet legali enormi, jikkumerċjalizzaw il-valur tal-ħajja u jiftħu l-potenzjal għal sitwazzjonijiet vagi ħafna. Huwa għalhekk li fuq bażi personali, li kieku kelli vot dwar dawn il-proposti, jien nagħżel li nivvota kontra. Li kieku l-proposti saru b’mod li jirispetta l-valur tal-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha kieku bla dubju ta’ xejn is-sitwazzjoni kienet tkun mod ieħor.

Naturalment vot kontra m’għandux ifisser it-tmiem tad-dibattitu. Vot kontra għandu jfisser li pajjiżna għandu jniedi proċess ta’ konsultazzjoni ma’ l-esperti sabiex tinstab soluzzjoni li kif tista’ tisaħħaħ u tiġi aġġornata l-liġi preżenti mingħajr ma’ niftħu Pandora’s box sħiħa.

F’dan is-sens bla dubju ta’ xejn għandu ħafna x’joffri l-Professur Pierre Schembri Wismayer li kien strumentali sabiex saret l-ewwel liġi fl-2012 u li fl-aħħar jiem kien fuq quddiem joffri veduti li huma mnibbta min għarfien xjentifiku, sens ta’ rispett lejn il-ħajja u sens politiku oġġettiv.  

Thursday, April 5, 2018

Il-Kmandament il-Ġdid li trid tiskot!


Fil-passat fejn ħassejt li kelli pubblikament nikkritika lil persuna li tkun qegħda tokkupa l-kariga ta’ Arċisqof ta’ Malta ma qgħatx lura milli nagħmel dan. Nemmen bis-sħiħ li l-kariga ta’ Arċisqof mhijiex waħda li tagħmel lil persuna li tkun qed tokkupa l-kariga l-fuq mill-kritika. Bħal kull persuna oħra, min ikun qed jokkupa l-kariga ta’ Arċisqof ta’ Malta huwa uman u għalhekk bħal kull uman ieħor huwa suxxettibli għall-iżbalji. Naturalment, bħalma wieħed għandu jagħmel f’kull kritika li jressaq, tali kritika għandha titressaq fl-ispirtu ta’ dibattitu matur li qiegħed iseħħ f’soċjeta’ demokratika fejn anke fejn ma’ naqblux fl-idejat, ma’ jonqos qatt ir-rispett reċiproku.

Daqstant ieħor iżda illum ma nistax ma nesprimix xokk għal dak li qiegħed jiġri fil-konfront ta’ l-Arċisqof attwali, Mons. Charles J Scicluna. Mons. Scicluna mhuwiex qiegħed jiġi kritikat għal dak li kiteb jew dak li qal. Mons. Scicluna mhuwiex qiegħed jiġi mistoqsi jamplifika dwar dak li kiteb u qal sabiex jgħati aktar sustanza lill-fehma tiegħu. Minflok, Mons. Scicluna qiegħed ikun suġġettat għal kampanja ta’ mibgħeda spjettata ntiża biss sabiex dan fil-futur jaħsibha darbtejn kemm jgħati l-fehma tiegħu.

Għalkemm il-kariga ta’ Mons. Scicluna mhijiex waħda politika imma waħda reliġjuża, Mons. Scicluna, f’demokrazija, għandu kull dritt li joffri l-veduta tiegħu jew li jesprimi qbil ma’ xi veduta li jkun esprima ħaddieħor. Anzi, wieħed jista’ anke jargumenta li bħala rgħaj spiritwali għandu d-dmir li ma’ joqgħodx sieket f’kantuniera imma li b’prudenza joffri l-veduta tiegħu.

Għalhekk huwa ta’ għajb li hawn min f’pajjiżna jrid jorbot sarima ma’ ħalq Mons. Scicluna, bl-iskuża li bħala mexxej reliġjuż dan m’għandux dritt jesprimi ruħu. Minn meta f’demokrazija għandna l-limiti fuq min jista’ jesprimi l-fehma libera tiegħu sakemm tali fehma ma tkunx waħda li tinċita l-mibgħeda jew l-vjolenza? Minn meta f’demokrazija gvern jista’ jagħżel minn għandu dritt jitkellem u min għandu d-dmir li jiskot fis-silenzju? Minn meta f’demokrazija hija normali li ssir kampanja sabiex mexxej reliġjuż jitneħħa mill-kariga għaliex dan esprima fehma, b’mod prudenti u mhux partiġġjan, bl-għajta li min jokkupa l-kariga għandu jkun bħal mummja li ma titkellem qatt?

Kien hemm mbgħad min prova jikkwota silta qasira minn diskors riċenti ta’ Papa Franġisku sabiex bħal donnu jgħatu l-impressjoni li Mons. Scicluna kien qiegħed anke jaġixxi kontra l-kliem tal-Papa. Jidher iżda li min għażel il-kwotazzjoni ftit ta’ widen kwotazzjonijiet oħra ta’ Papa Franġisku bħal meta per eżempju fl-1 t’Ottubru 2017 waqt diskors f’Cesena Papa Franġisku stqarr mingħajr tlaqliq li “Se il politico sbaglia, vai a dirglielo, ci sono tanti modi di dirlo: “Ma, credo che questo sarebbe meglio così, così…”. Attraverso la stampa, la radio… Ma dirlo costruttivamente. E non guardare dal balcone, osservarla dal balcone aspettando che lui fallisca”.

Dak li għamel Mons. Scicluna huwa assolutament f’dan l-ispirtu, li minflok baqa gallarija jistenna l-falliment tkellem fejn ħass li kellu jitkellem. Bla dubju ta’ xejn ma’ naqbilx ma’ kull fehma li qatt esprima ruħu dwarha Mons. Scicluna. Kien hemm u perswas li ser jibqa’ jkun hemm okkażjonijiet meta jkolli fehma differenti. Imma bla tlaqliq nesprimi l-ammirazzjoni assoluta tiegħi lejn dan il-mexxej sod, li ma’ jibżax mill-ostilita’ ta’ uħud u jibqa’ mingħajr biżgħa jew favur jagħmel dak li jemmen li huwa sewwa u ġust. Huwa għalhekk li għandi rispett assolut lejn l-Arċisqof Mons. Charles J Scicluna u min hawn nawguralu snin twal ta’ ħidma fostna l-Maltin.