Fl-aħħar jiem kien hemm dibattitu vivaċi dwar
il-valur tal-ħajja u speċifikament dwar il-proposti ta’ tibdil fil-liġi li
tirregola l-IVF f’pajjiżna. Fuq naħa
l-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ jiftaħar li l-grupp parlamentari Laburista
kien ser jivvota b’mod maqgħud dwar din il-materja; anke jekk fil-media feġġew
rapporti persistenti ta’ oppożizzjoni ċara għal dak li qiegħed jipproponi l-gvern
minn ħdan il-grupp parlamentari Laburista stess u fuq in-naħa l-oħra il-Kap
tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien konsistenti ma’ dak li kien wiegħed
fil-kampanja sabiex ġie elett kap u fuq materja hekk sensittiva ta’ vot ħieles
lill-grupp parlamentari Nazzjonalista sabiex kull deputat jivvota skond
il-kuxjenza.
Din il-materja hija tassew waħda sensittiva u
għalhekk bir-raġun li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ta’ vot
ħieles. Fuq naħa din hija materja li għandha rabta ntrinsika mal-valur
tal-ħajja u sagrosantita tal-ħajja. Materja b’rabta diretta mal-mument
tal-konċeviment ta’ l-uman u mal-mod kif il-ħajja li tkun għadha mhux mwielda
tiġi trattata u stmata. Minn naħa l-oħra hija wkoll materja li timpatta
bil-qawwi tant u tant nies li jkollhom xewqa kbira li jibdew familja li tkun
tinkludi l-ulied. Tant u tant nies li diġa jkunu għaddew minn martirju minħabba
diffikultajiet sabiex jikkonċevu b’mod naturali u li jaraw lit-teknoloġija
medika moderna bħala l-aħħar soluzzjoni sabiex ikollhom l-ulied.
Fuq kwistjoni hekk sensittiva u delikata diffiċli
taqta’ linja bajda u sewda jew agħar min hekk, linja spirata
mill-partiġġjaniżmu jew l-politika tal-pika jew il-kalkoli elettorali. Hija
wkoll materja li dwarha, anke jekk wieħed ikollu fehma ċara, tajjeb li juri
sensittivita’ fi kliemu.
Sfortuntament fl-aħħar jiem kien hemm ukoll nuqqas
ta’ kjarezza dwar xiex qed nitkellmu; min forsi b’nuqqas ta’ għarfien u min
forsi għax għoġbu jorbot kwistjonijiet oħra rabta ċoff ma’ din il-kwistjoni.
Id-dibattitu hawn mhuwiex fuq il-proċedura ta’ l-IVF u jekk pajjiżna għandux jagħmel użu mit-teknoloġija ta’ l-IVF. L-IVF hija teknoloġija li tgħin fil-ħolqien tal-ħajja u li għenet
bosta koppji u li bl-iżviluppi mediċi ser tkompli tgħin aktar koppji. Huwa
sewwa u ġust li pajjiżna joffri t-trattament tal-IVF u sewwa u ġust li pajjiżna jkollu liġi dwar l-IVF li tkun waħda aġġornata
maż-żminijiet. Min qiegħed jinqeda bid-dibattitu dwar it-tibdiliet proposti
sabiex jattakka l-IVF b’mod ġenerali
qiegħed jiżbalja bil-kbir u juri nuqqas ta’ sensittivita enormi.
Iżda l-proposti mressqa mill-gvern jmorru ferm
lill’hinn minn sempliċi IVF li tgħin
fil-ħolqien tal-ħajja fejn forsi b’mod naturali jista’ jkun hemm impediment
ċar. Il-proposti mressqa jmorru ferm lill’hinn minn sempliċi każ ta’
aġġornament tal-liġi. Il-proposti mressqa mhumiex kwistjoni ta’ ugwaljanza jew
nuqqas tagħha. Huwa ċar kristall li pajjiżna għandu jkun pajjiż fejn tirrenja
ugwaljanza totali bejn is-sessi, bejn l-orjentazzjonijiet sesswali, bejn mudelli
differenti ta’ familja u bejn nies b’fehmiet reliġjużi u politiċi differenti.
Il-problema tal-proposti mressqa hija unikament
il-fatt li dawn il-proposti għandhom diffetti legali kbar, jgħatu lok għal
ambigwitajiet legali enormi, jikkumerċjalizzaw il-valur tal-ħajja u jiftħu
l-potenzjal għal sitwazzjonijiet vagi ħafna. Huwa għalhekk li fuq bażi
personali, li kieku kelli vot dwar dawn il-proposti, jien nagħżel li nivvota
kontra. Li kieku l-proposti saru b’mod li jirispetta l-valur tal-ħajja
mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha kieku bla dubju ta’ xejn is-sitwazzjoni
kienet tkun mod ieħor.
Naturalment vot kontra m’għandux ifisser it-tmiem
tad-dibattitu. Vot kontra għandu jfisser li pajjiżna għandu jniedi proċess ta’
konsultazzjoni ma’ l-esperti sabiex tinstab soluzzjoni li kif tista’ tisaħħaħ u
tiġi aġġornata l-liġi preżenti mingħajr ma’ niftħu Pandora’s box sħiħa.
F’dan is-sens bla dubju ta’ xejn għandu ħafna
x’joffri l-Professur Pierre Schembri Wismayer li kien strumentali sabiex saret
l-ewwel liġi fl-2012 u li fl-aħħar jiem kien fuq quddiem joffri veduti li huma
mnibbta min għarfien xjentifiku, sens ta’ rispett lejn il-ħajja u sens politiku
oġġettiv.
No comments:
Post a Comment