Thursday, July 12, 2018

Il-battalja tal-lingwi

Wieħed mill-aspetti li jsawwar l-identita’ Maltija moderna huwa, bla dubju ta’ xejn, il-bilingwiżmu. Malta għandha l-unur u l-privileġġ li minkejja li għandha storja ta’ ħakma wara l-oħra b’mod prattikament kontinwu sa l-1964, għandha lsien nativ. L-istorja iżda wasslet ukoll sabiex l-Ingliż f’Malta rabba għeruq sodi tant li llum il-ġurnata din il-lingwa, ta’ oriġini barranija, hija lsien rikonoxxut mill-kostituzzjoni ta’ Malta.

L-aspett bilingwali ta’ pajjiżna huwa aspett li għandna nħarsu. L-ewwel u qabel kollox għaliex dan l-aspett bilingwali huwa parti integra mill-identita’ tagħna bħala poplu. Huwa aspett li fih nnifsu jservi ta’ xhieda għall-istorja ta’ pajjiżna. Pajjiż li minkejja li għamel tant seklu maħkum, dejjem żamm sod l-identita’ tiegħu u għalhekk żamm il-lingwa nativa tiegħu. Pajjiż iżda li fl-istess mod ma ddejjaqx jintegra fi ħdan il-komunita’ internazzjonali u għamel tiegħu l-lingwa Ingliża, lingwa li permezz tagħha l-Malti jingħaqad mal-komunita’ internazzjonali permezz ta’ din il-lingwa li llum il-ġurnata saret kważi l-lingwa internazzjonali fid-dinja tal-punent.

Għalhekk huwa ċar li bejn il-Malti u l-Ingliż m’għandu jkun hemm ebda sens ta’ gwerra jew battalja. Pajjiżna jeħtieġ li jkollu livell eċċellenti kemm tal-lingwa nativa tiegħu kif ukoll ta’ dik il-lingwa li llum il-ġurnata saret kruċjali f’dinja dejjem aktar globalizzata. Malta mingħajr il-Malti tkun Malta b’parti mill-aktar importanti tar-ruħ soċjali tagħha nieqsa. Malta mingħajr l-Ingliż tkun Malta li tpoġġi lilha nfisha fi żvantaġġ ekonomiku enormi u tipperikolha għal kollox is-setturi tas-servizzi, bħal finanzi, informatika u gaming li llum huma tant pilastri fil-qafas ekonomiku.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li r-riżultati tal-eżamijiet fl-iskejjel primarji mħabbar riċenti huwa ta’ tħassib. L-ewwel u qabel kollox, huwa fatt li l-eżami mhuwiex kollox u li l-kultura li kollox idur madwar l-eżami jeħtieġ li tiġi riformata, kif fil-fatt se jsir attentat li jsir. Iżda n-numri jagħtu bażi tajba sabiex wieħed jara x-xejra nazzjonali x’inhi.

Il-marka medja fil-Malti, dejjem fil-livell ta’ skejjel primarji, hija dik ta’ 69; inqas minn dik għall- Ingliż u għall-matematika, għalkemm tirrapreżenta titjib fuq il-marka tas-sena preċidenti. Minkejja t-titjib, marka ta’ 69 fil-lingwa nativa tagħna hija bla dubju ta’ xejn marka li għandha tqanqal tħassib dwar kemm tassew qegħdin ntellaw soċjeta’ li taf tħaddem il-lingwa nativa. Il- marka medja fl-Ingliż minn naħa l-oħra hija dik ta’ 70, aħjar minn dik tal-Malti, imma tirrapreżenta tnaqqis pjutost drastiku mill-marka tas-sena preċidenti. Marka li ma tawgura xejn tajjeb li għada pit għada nkunu soċjeta’ li tista’ toffri bħala wieħed mill-vantaġġi tagħha, kmand tajjeb tal-lingwa Ingliża.

Hemm bżonn li ssir ħidma li bħala mira ċara jkollha mhux it-titjib tal-livell f’lingwa jew oħra, jew sforzi separati imma sforz wieħed kolletiv sabiex pajjiżna jippreżerva l-kultura bilingwi tiegħu. Sforz wieħed kolletiv sabiex ikollna soċjeta’ li għandha kmand ugwalment fluwenti u tajjeb fil-Malti u fl-Ingliż, kemm fil-kitba kif ukoll fid-diskors.

Dan ma jsirx billi nwarrbu xi lingwa jew oħra jew nirrelegawha bħala xi lingwa tat-tieni post. Dan ma jsirx l-anqas billi nagħmlu kruċjata kontra xi lingwa jew oħra jew nġibuha xi tabboo li tuża dik il-lingwa. Dan isir billi jintwera rispett lejn iż-żewġ lingwi, billi ssir ħidma sabiex ikun hemm titjib fiż-żewġ lingwi u billi ngħarfu l-importanza assoluta taż-żewġ lingwi.

No comments:

Post a Comment