Showing posts with label Ekonomija. Show all posts
Showing posts with label Ekonomija. Show all posts

Thursday, July 12, 2018

Il-battalja tal-lingwi

Wieħed mill-aspetti li jsawwar l-identita’ Maltija moderna huwa, bla dubju ta’ xejn, il-bilingwiżmu. Malta għandha l-unur u l-privileġġ li minkejja li għandha storja ta’ ħakma wara l-oħra b’mod prattikament kontinwu sa l-1964, għandha lsien nativ. L-istorja iżda wasslet ukoll sabiex l-Ingliż f’Malta rabba għeruq sodi tant li llum il-ġurnata din il-lingwa, ta’ oriġini barranija, hija lsien rikonoxxut mill-kostituzzjoni ta’ Malta.

L-aspett bilingwali ta’ pajjiżna huwa aspett li għandna nħarsu. L-ewwel u qabel kollox għaliex dan l-aspett bilingwali huwa parti integra mill-identita’ tagħna bħala poplu. Huwa aspett li fih nnifsu jservi ta’ xhieda għall-istorja ta’ pajjiżna. Pajjiż li minkejja li għamel tant seklu maħkum, dejjem żamm sod l-identita’ tiegħu u għalhekk żamm il-lingwa nativa tiegħu. Pajjiż iżda li fl-istess mod ma ddejjaqx jintegra fi ħdan il-komunita’ internazzjonali u għamel tiegħu l-lingwa Ingliża, lingwa li permezz tagħha l-Malti jingħaqad mal-komunita’ internazzjonali permezz ta’ din il-lingwa li llum il-ġurnata saret kważi l-lingwa internazzjonali fid-dinja tal-punent.

Għalhekk huwa ċar li bejn il-Malti u l-Ingliż m’għandu jkun hemm ebda sens ta’ gwerra jew battalja. Pajjiżna jeħtieġ li jkollu livell eċċellenti kemm tal-lingwa nativa tiegħu kif ukoll ta’ dik il-lingwa li llum il-ġurnata saret kruċjali f’dinja dejjem aktar globalizzata. Malta mingħajr il-Malti tkun Malta b’parti mill-aktar importanti tar-ruħ soċjali tagħha nieqsa. Malta mingħajr l-Ingliż tkun Malta li tpoġġi lilha nfisha fi żvantaġġ ekonomiku enormi u tipperikolha għal kollox is-setturi tas-servizzi, bħal finanzi, informatika u gaming li llum huma tant pilastri fil-qafas ekonomiku.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li r-riżultati tal-eżamijiet fl-iskejjel primarji mħabbar riċenti huwa ta’ tħassib. L-ewwel u qabel kollox, huwa fatt li l-eżami mhuwiex kollox u li l-kultura li kollox idur madwar l-eżami jeħtieġ li tiġi riformata, kif fil-fatt se jsir attentat li jsir. Iżda n-numri jagħtu bażi tajba sabiex wieħed jara x-xejra nazzjonali x’inhi.

Il-marka medja fil-Malti, dejjem fil-livell ta’ skejjel primarji, hija dik ta’ 69; inqas minn dik għall- Ingliż u għall-matematika, għalkemm tirrapreżenta titjib fuq il-marka tas-sena preċidenti. Minkejja t-titjib, marka ta’ 69 fil-lingwa nativa tagħna hija bla dubju ta’ xejn marka li għandha tqanqal tħassib dwar kemm tassew qegħdin ntellaw soċjeta’ li taf tħaddem il-lingwa nativa. Il- marka medja fl-Ingliż minn naħa l-oħra hija dik ta’ 70, aħjar minn dik tal-Malti, imma tirrapreżenta tnaqqis pjutost drastiku mill-marka tas-sena preċidenti. Marka li ma tawgura xejn tajjeb li għada pit għada nkunu soċjeta’ li tista’ toffri bħala wieħed mill-vantaġġi tagħha, kmand tajjeb tal-lingwa Ingliża.

Hemm bżonn li ssir ħidma li bħala mira ċara jkollha mhux it-titjib tal-livell f’lingwa jew oħra, jew sforzi separati imma sforz wieħed kolletiv sabiex pajjiżna jippreżerva l-kultura bilingwi tiegħu. Sforz wieħed kolletiv sabiex ikollna soċjeta’ li għandha kmand ugwalment fluwenti u tajjeb fil-Malti u fl-Ingliż, kemm fil-kitba kif ukoll fid-diskors.

Dan ma jsirx billi nwarrbu xi lingwa jew oħra jew nirrelegawha bħala xi lingwa tat-tieni post. Dan ma jsirx l-anqas billi nagħmlu kruċjata kontra xi lingwa jew oħra jew nġibuha xi tabboo li tuża dik il-lingwa. Dan isir billi jintwera rispett lejn iż-żewġ lingwi, billi ssir ħidma sabiex ikun hemm titjib fiż-żewġ lingwi u billi ngħarfu l-importanza assoluta taż-żewġ lingwi.

Thursday, March 29, 2018

Bejn surplus u skandlu


Għal min isegwi b’mod regolari l-media tal-Partit Laburista, l-kelma surplus mhijiex ġdida. Anzi, l-kelma surplus saret prattikament ir-risposta għal kull mistoqsija. Għalfejn il-Partit Nazzjonalista qiegħed jikkritika l-fatt li l-gvern qed iħalli r-reputazzjoni ta’ pajjiżna titappan? Għalfejn hemm tħassib serju dwar dak li qiegħed jiġri f’Malta b’rabta mal-governanza tajba u l-mod kif jaġixxi l-gvern fil-konfront tal-korruzzjoni? Għalfejn il-media internazzjonali qegħda b’mod sistematiku u regolari tpinġi lil Malta f’dawl negattiv u oskur? Għal media Laburista r-risposta bħal donnu dejjem hi; għax jgħiru għas-suċċess tal-gvern li kiseb surplus!

Ejja nkunu ċari, li jkollna surplus hija bla dubju ta’ xejn xi ħaġa tajba. Ftit għandu jkun hawn dubju li ekonomija b’saħħita, rata ta’ tkabbir ekonomiku pożittiva u prospetti ta’ ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalita’ huma aħbarijiet fl-interess ta’ kullħadd. M’hemmx aħmar jew blu f’dawn l-affarijiet; hemm biss l-interess nazzjonali. Dwar dan il-Partit Nazzjonalista dejjem kien ċar; l-interess nazzjonali għandu jiġi l-ewwel u xi ħaġa li toffri prospetti pożittivi għal pajjiżna għandha tiġi milqugħa b’dirgħajn miftuħin.

Dan iżda ma’ jfissirx li riżultat pożittiv f’aspett jikkanċella l-iżbalji serji u gravi li qegħdin isiru f’oqsma oħra. Anzi, l-fatt li pajjiżna kellu l-ħiela jikseb surplus minkejja l-iżvantaġġi ġeografiċi tiegħu, jitfa’ aktar piż fuq il-gvern biex jaġixxi b’mod li jkompli jisfrutta dan il-potenzjal.

Jekk ġardinar jeqred siġra marida tkun ħasra iżda forsi mhux telfa kbir ħafna; imma jekk ġardinar jeqred siġra b’saħħitha li diġa bdiet toffri l-frott allura l-ħarsa tkun kbira u l-ġardinar bla dubju ta’ xejn ikun irid iwieġeb ta’ għemilu ta’ kif irnexxilu jeqred siġra li b’mod konkrett kienet qegħda turi li għandha ħafna x’toffri u kienet diġa bdiet toffri.

Is-surplus ma’ wasalx b’kumbinazzjoni jew bil-ħila ta’ gvern wieħed. Wasal sforz snin ta’ ħidma kollettiva. Għalhekk jekk il-gvern jippermetti sitwazzjoni fejn l-avvanz ekonomiku ta’ pajjiżna jiġi mhedded jew saħansitra meqrud, l-gvern ikun bħal dak il-ġardinar li taħt il-gwardja tiegħu mietet is-siġra t-tajba. Is-settur tas-Servizzi Finanzjarji huwa pilastru fundamentalissimu għal pajjiżna. Huwa settur li jimpjega lil ħafna nies b’mod dirett u li joħloq xogħol għal ħafna oħra b’mod indirett. Xogħol dirett fil-qasam legali, f’dak ta’ l-accountancy, ta’ l-IT u xogħol indirett fil-qasam ta’ l-ospitalita’, tal-kirjiet ta’ uffiċini, tal-maintenance, supplies u tindif ta’ l-istess uffiċini u ovvjament b’mod ġenerali ta’ rittmu ekonomiku ta’ nfieq u investiment.

Meta investitur serju u ta’ reputazzjoni mpekkabli jiġi biex jagħmel għażla ta’ fejn ser jinvesti; l-ftaħir ta’ One News dwar ir-ratings ta’ Fitch mhux ser jimpressjonawh, l-anqas ma’ hu ser ikun impressjonat bil-ftaħir dwar is-surplus. Li jkun jgħodd għal dak l-investitur huwa li flusu jkunu f’pajjiż politikament u ekonomikament stabbli, pajjiż fejn il-liġi tgħodd l-istess għal kullħadd, pajjiż fejn ir-reputazzjoni hija waħda nadifa għaliex il-kunċett ta’ ma’ min rajtek xebbaħtek jgħodd ħafna fuq livell globali, pajjiż fejn tirrenja n-normalita’ demokratika li min jiżbalja jħallas ta’ għemilu u mhux jiġi premjat u pajjiż li jkun magħruf f’sens pożittiv u mhux bħala xi ġurisdizzjoni li magħha ma’ tridx tmissx għax tispiċċa tiċċappas.

Jista’ l-gvern, idu fuq qalbu, jgħid li b’għemilu qed jaċċerta li pajjiżna jkun tali pajjiż? Jista’ l-gvern, idu fuq qalbu, jgħid li din hija r-realta’ ta’ Malta taħt gvern Laburista? Jew minflok għandna gvern kuntent li jista’ jiftaħar bis-surplus u ma’ jimpurtah minn xejn aktar?