Showing posts with label Robert Arrigo. Show all posts
Showing posts with label Robert Arrigo. Show all posts

Thursday, December 28, 2017

It-tmiem tal-2017 u l-bidu ta’ l-2018


Ninstabu fl-aħħar jiem tas-sena 2017 u għalhekk ftit jiem il-bod mill-bidu tas-sena 2018. Bħalma jiġri lejn kull tmiem ta’ sena, dawn l-aħħar jiem tas-sena jkunu okkażjoni perfetta sabiex niftakru ftit minn xiex inkunu għaddejna matul is-sena. Niftakru mhux għax għandna nħarsu lura imma sabiex nieħdu l-lezzjonijiet ta’ dak li jkun offra l-passat riċenti u nitgħallmu minnhom għal futur.

L-Elezzjoni Ġenerali
Is-sena 2017 fetħet fuq nota ta’ skandlu internazzjonali li kien qiegħed joħloq pressjoni kbira fuq il-gvern Laburista, jiġifieri l-iskandlu tal-Panama Papers. Il-gvern Laburista kien qiegħed isib ruħu bi kritika internazzjonali u b’dubji dejjem jikbru minn ċirku dejjem jikber fis-soċjeta’ u anke fuq livell internazzjonali. F’Ġunju 2017 il-Prim Ministru għamel kalkolu politiku u sejjaħ elezzjoni ġenerali. Kien kalkolu politiku meqjus u korett f’termini elettorali għaliex il-Partit Laburista ħareġ rebbieħ bil-kbir. Kien kalkolu żbaljat għal kollox iżda f’termini ta’ kemm tali riżultat kien ser iservi ta’ proċess ta’ white wash għall-akbar skandlu politiku li qatt ra pajjiżna. Il-gvern Laburista qiegħed itemm l-2017 bl-istess mod li bdiha; b’dubji dejjem jikbru u b’kritika ħarxa fuq livell internazzjonali.

Daphne Caruana Galizia

L-2017 tibqa’ mfakkra wkoll għall-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kien qtil barbaru u brutali li ħasad lil kull min għandu għal qalbu l-liberta’ u d-demokrazija f’pajjiżna. Dan il-kapitlu mill-aktar iswed li nfetaħ beraħ f’Ottubru 2017 ser jibqa’ magħna fix-xhur li ġejjin fl-2018. Il-qtil ta’ ġurnalista investigattiva huwa ta’ għajb għal pajjiż li jaspira li jkun meqjus bħala demokrazija Ewropea. Pajjiżna issa qed jistenna li dwar dan il-każ iseħħ ġustizzja.

Adrian Delia, David Agius u Robert Arrigo
Is-sena 2017 kienet sena ta’ bidla għal Partit Nazzjonalista. Kienet is-sena li fiha t-tesserati bl-aktar mod miftuħ u demokratiku għażlu bl-liberta’ sħiħa lil Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, b’David Agius u Robert Arrigo bħala Viċi Kapijiet. It-triq il-quddiem għal Partit Nazzjonalista mhijiex waħda faċli u bla dubju ta’ xejn l-2018 ser tkun sena ta’ sfidi għal Partit Nazzjonalista. Perswas iżda li bi spirtu ta’ għaqda, naħdmu lkoll id f’id, taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia nistgħu mill-ġdid noffru lil pajjiżna Partit Nazzjonalista b’saħħtu; oppożizzjoni pożittiva li toffri l-id tal-ħbiberija fejn ikun fl-aqwa interess nazzjonali u fl-istess waqt tkun tarka ta’ difiża u toffri kritika ċara u ħarxa fejn l-aqwa interess nazzjonali jitlob li jsir hekk.

Donald Trump
Fuq livell internazzjonali l-figura ta’ Donald Trump iddominat l-aħbarijiet. Il-Presidenza ta’ Trump bħal donnu qegħda tassigura li l-Partit Repubblikan ser ikollu sfida iebsa sew f’kull elezzjoni li jmiss fl-Istati Uniti sakemm idumm din il-Presidenza. Trump kien elett fuq biljett populist; biljett li fih wiegħed lil kullħadd kollox u kanta d-diska li ħafna riedu jisimgħu. Din id-diska ġiet kantata anke jekk kien ċar li kien ser ikun impossibli li titwettaq. Bla dubju ta’ xejn is-sena 2017 kienet kulurita għal Trump; minn stejjer ta’ tkeċċija wara l-oħra fil-gvern tiegħu, għal suċċess parlamentari fir-riforma tal-liġi tat-tassazzjoni, għal kontroversja internazzjonali dwar id-dikjarazzjoni ta’ Ġerusalemm bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael, għal numru ta’ telfiet elettorali koroh għal Partit Repubblikan.

L-2018
Diffiċli wieħed jgħid x’ser toffri l-2018. Għalhekk ejja nħarsu lejn il-futur b’lenti pożittiva u b’entużjażmu. Minn hawn nieħu l-opportunita’ nawgura lil qarreja kollha ta’ In-Nazzjon bidu tas-sena mill-aqwa. Appell ukoll sabiex kullħadd jiċċelebra lejliet l-ewwel tas-sena b’responsabilita’. Ejja nieħdu gost mingħajr ma’ nkunu ta’ deni għal ħadd.

Thursday, November 23, 2017

Bejn proċess elettorali u proċess ta’ tiġdid

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista kienu mill-ġdid msejħa sabiex jagħmlu għażla. Din id-darba t-tesserati kienu msejħa jagħżlu żewġ Viċi Kapijiet ġodda għal Partit Nazzjonalista. 

Qabel xejn ikun sewwa u ġust li wieħed jibda billi jrodd ħajr lil Beppe Fenech Adami u Mario De Marco li tul l-aħħar snin servew fil-kariga ta’ Viċi Kap. Bla dubju ta’ xejn ftit jista’ jkun hemm dubju dwar is-sens ta’ sagrifiċċju personali li mxew bih Beppe u Mario u s-sens ta’ dedikazzjoni assoluta li dejjem urew lejn il-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista. Għalkemm issa Beppe u Mario mhumiex ser iservu iżjed fil-kariga ta’ Viċi Kap għad fadlilhom ħafna x’joffru lil Partit Nazzjonalista. 

It-tmiem ta’ Beppe u Mario mill-kariga ta’ Viċi Kap tfisser ukoll il-bidu tal-ħidma ta’ David Agius u Robert Arrigo fil-kariga ta’ Viċi Kap. F’dawn it-tnejn minn nies il-Partit Nazzjonalista għandu potenzjal kbir. 

David Agius għandu kwalitajiet mill-aqwa fis-sens li jlaqqa’ f’persuna waħda l-abilta’ teknika fit-tħaddim tal-‘logħba’ parlamentari u abilta’ ċara fil-kommunikazzjoni, mhux biss kommunikazzjoni fis-sens tal-mass media imma anke fuq livell personali. Kwalitajiet li bla dubju ta’ xejn ser jgħinu lil David Agius sabiex ikun ta’ spalla għal Kap tal-Partit Adrian Delia kemm fil-ħidma parlamentari tal-Partit, li bla dubju ta’ xejn dejjem hi waħda kumplessa; kif ukoll fil-ħidma tal-partit sabiex il-partit ikun tassew qrib in-nies u fost in-nies. Għandi fiduċja sħiħa, li kif dejjem għamel fil-passat David Agius ser ikompli jkun xhieda ta’ servizz leali lejn il-pajjiż u l-partit. 

Minn naħa l-oħra f’Robert Arrigo l-Partit Nazzjonalista għandu persuna bi kwalitajiet organizzativi mill-aqwa. Persuna li fih tispikka l-enerġija, l-ħeġġa u l-idejat ġodda ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jkompli jieħu l-ħajja. Persuna li l-ħidma politika tiegħu hija karaterizzata minn elettorat fid-disgħa u l-għaxar distrett li jsib f’Robert Arrigo mhux biss politiku denju imma ħabib u spalla li dejjem lest li jgħin. Il-kwalitajiet organizzattivi ta’ Robert Arrigo magħquda ma’ din l-abilta’ li jkun qrib in-nies u ta’ spalla għan-nies huma ċertament kwalitajiet li ser jagħmlu minn Robert Arrigo sisien importanti għal Partit Nazzjonalista u għal Kap tal-Partit Adrian Delia. Fuq kollox ser jagħmlu minn Robert Arrigo persuna li ser ikun strumentali fit-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista; xi ħaġa li bla dubju ta’ xejn hija fl-aqwa interess nazzjonali. 

Ikun żball jekk ninsew li f’din it-tellieqa kien hemm żewġ kontestanti oħra. Ikun żball jekk ma nurux apprezzament lejn Edwin Vassallo u l-Perit Toni Bezzina. F’Edwin Vassallo u l-Perit Toni Bezzina l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ politiċi ġenwini li motivati mill-ġenwinita’ tagħhom offrew li jkunu ta’ servizz. Żewġ politiċi li għalkemm l-elettorat ma’ sejħilhomx sabiex iservu bħala Viċi Kap bla dubju ta’ xejn għandhom ħafna ħidma x’joffru lil Partit Nazzjonalista u għandu jkun aċċertat li t-tnejn jingħataw spazju sħiħ sabiex il-potenzjal tagħhom jintuża bl-aħjar mod possibli. Fuq kollox huma żewġ politiċi li wkoll bil-ħidma attivta’ tagħhom għandu ħafna x’jiggwadanja l-pajjiż u l-partit. 


Prosit!


Ngħalaq billi ngħati l-awguri tiegħi lil dawk kollha li f’dawn il-jiem qegħdin jiggradwaw. Awguri u prosit talli l-ħidma tagħhom qegħda tgħati l-frott. Bla dubju ta’ xejn fuq nota personali ħafna ngħati l-awguri lil Charlene li din il-ġimgħa gradwat fil-kors tal-liġi. Prosit Charlene...kburi bik!
-->