Thursday, December 14, 2017
Is-Soċjalisti u t-tax havens!
Fl-aħħar xhur u ġimgħat is-suġġett dwar l-hekk msejħa tax havens kien wieħed topiku ħafna fuq livell globali. Revelazzjonijiet bħal dawk tal-Panama Papers servew sabiex l-attenzjoni globali dahret fuq id-dinja tas-servizzi finanzjarji u l-iskemi differenti f’pajjiżi differenti fejn tidħol it-tassazzjoni.
L-ewwel u qabel kollox wieħed irid jibda billi jkun ċar fuq xiex qegħdin nitkellmu. Meta ngħidu l-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-industrija tal-gaming qegħdin nitkellmu fuq tnejn mill-aktar niċċeċ importanti ta’ l-ekonomija Maltija. Niċċeċ li twieldu taħt gvern Nazzjonalista u llum kibru sabiex saru kollonna prinċipali ta’ l-ekonomija Maltija. Dawn il-pilastri ekonomiċi mhumiex biss setturi li joffru impjieg u dħul għal dawk li jaħdmu b’mod dirett fihom bħal accountants, awdituri, avukati, nies gradwati fl-IT u gradwati tal-kummerċ. Huma pilastri ekonomiċi li fuqhom hemm ekonomija sħiħa dipendenti fosthom kiri ta’ uffiċini, manteniment ta’ sistemi tal-IT, fornituri ta’ materjal ta’ stationary, fornituri ta’ servizz ta’ tindif ta’ uffiċini u anke ristoranti u lukandi li jospitaw business meetings u konferenzi. Għalhekk qegħdin nitkellmu fuq pilastri fundamentali għal maġġoranza tal-poplu.
Bħala pajjiż żgħir Malta għandha bosta żvantaġġi meta kkumparat ma’ pajjiżi kbar bħal Ġermanja, Spanja, l-Italja u Franza. Għalhekk pajjiżi żgħar bħal Malta, l-Olanda, l-Lussemburgu, l-Estonja u Ċipru joffru inċentivi ta’ taxxa sabiex jiġi investiment barrani fil-pajjiż. Dawn l-inċentivi jassiguraw sitwazzjoni fejn il-pajjiż ikollu dħul akbar ta’ taxxa permezz ta’ investiment miżjud u fl-istess waqt igawdi mill-effett tat-tkabbir ekonomiku li jġib tali investment grazzi għal żieda fl-impjiegi u l-nfieq fil-pajjiż. Fil-fatt studju riċenti tat-Tax Justice Network żvela li mingħajr dawn l-inċentivi Malta titlef kważi nofs l-industrija tas-servizzi finanzjarji.
Ikun min jargumenta jekk b’dawn l-inċentivi Malta hijiex tirrendi ruħha tax haven. Meta wieħed juża l-kelma tax haven ikun qiegħed jirreferi għal pajjiż fejn permezz ta’ segretezza assoluta jinżamm mistur min hu s-sid ta’ kumpanija bir-riżultat li tali sid jispiċċa ma’ jħallas ebda taxxa. F’Malta s-sidien ta’ kumpaniji Maltin jinstabu mniżżla fir-Reġistru tal-Kumpaniji, reġistru aċċessibli b’mod pubbliku fuq l-internet. Aktar min hekk, Malta għandha trattati ta’ koperazzjoni ma’ numru kbir ta’ pajjiżi u taderixxi mal-Common Reporting Standard tal-OECD fejn b’hekk Malta tosserva l-obbligu internazzjonali tagħha li tgħati informazzjoni lil pajjiżi barranin dwar investituri minn dawk il-pajjiżi li jkollhom investimenti f’Malta sabiex b’hekk ma’ jkunx possibli li dawn jevadu l-ħlas ta’ kull xorta ta’ taxxa.
Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li huwa xokkanti li l-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, li tiegħu l-Partit Laburista huwa membru, ressaq emenda quddiem il-Parlament Ewropew sabiex Malta tiġi mniżżla bħala tax haven. Li kieku Malta tiġi mniżżla bħala tax haven Malta jkollha problemi mill-aktar serji u l-industriji tal-gaming u s-servizzi finanzjarji jkunu mhedda serjament. Anke jekk fir-realta’ Malta mhijiex tax haven il-fatt li jkollha tali klassifikazzjoni huwa biżżejed biex pajjiżi barranin jibdew jitfaw lil Malta fi blacklist, mossa li tnixxef għal kollox l-investiment barrani.
Il-Partit Popolari Ewropew, li tiegħu l-Partit Nazzjonalista huwa membru, diġa ħabbar pubblikament li ser jopponi l-emenda tas-Soċjalisti. Il-PPE għalhekk ser ikun qiegħed jiddefendi l-interess ta’ Malta; l-interess nazzjonali. Minn naħa l-oħra is-Soċjalisti ser ikunu qegħdin jheddu b’mod dirett l-interess nazzjonali ta’ pajjiżna.
Għalkemm l-MEP’s Laburisti ħabbru li ma’ kienux ser jivvotaw mas-Soċjalisti xejn ma’ jħassar il-fatt li l-istess MEP’s Laburisti ma’ kellhomx l-abilita’ li jikkonvinċu lil sħabhom is-Soċjalisti. Mhux l-istess jista’ jingħad fuq David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech li bil-ħidma tagħhom assiguraw l-PPE ser ikun unit favur l-interess tagħna lkoll.
Dan l-artiklu nkiteb it-Tlieta 12 ta' Diċembru 2017 u ċioe' qabel il-vot fil-Parlament Ewropew. L-istess artiklu ġie pubblikat fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Ħamis 14 ta' Diċembru 2017.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment