Friday, December 8, 2017

Jien lest li ngħin...u int?

Nhar il-Ħadd li ġej il-Partit Nazzjonalista ser ikun qiegħed jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi. Bla dubju ta’ xejn ikun hemm min jistaqsi għaliex għandu jgħin lil Partit Nazzjonalista; għaliex għandu jgħin partit għal ħames snin li ġejjin ċertament ser ikun fl-oppożizzjoni; għaliex għandu jgħin partit li ġa la darba qiegħed fl-oppożizzjoni mhuwiex fl-aħjar posizzjoni biex jagħmel xita ta’ wegħdiet personali lil dak u lill-ieħor. Ikun hemm mbgħad min jilmenta li din mhijiex l-ewwel maratona ta’ ġbir tal-Partit Nazzjonalista; li matul din is-sena l-Partit Nazzjonalista diġa ħabbat il-bieb drabi oħra jitlob il-ġenerosita’ tal-pubbliku. 

Ir-realta’ hi li biex tħaddem partit trid il-fondi. Struttura organizzattiva kbira bħal Partit Nazzjonalista tirrikjedi numru ta’ ħaddiema full time u part time, fondi sabiex jinżammu strutturi fiżiċi bħal per eżempju manutenzjoni tad-Dar Ċentrali u manutenzjoni tal-Każini u fondi sabiex il-media tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ aġġornata ma’ l-iżviluppi teknoloġiċi sabiex il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jasal b’mod effettiv. Partit politiku kbir jeħtieġ investiment kontinwu; aktar u aktar meta fi ħdanu jinkludi mhux biss l-element politiku ta’ partit imma anke l-element ta’ kull pjattaforma ta’ media u presenza fiżika fil-maġġoranza assoluta tal-bliet u rħula Maltin u Għawdxin. 

F’pajjiż demokratiku huwa importanti li f’kull ħin u mument ikun hemm gvern u oppożizzjoni li t-tnejn ikunu elettoralment b’saħħithom u f’posizzjoni li jaqdu r-rwol rispettiv tagħhom. Pajjiż bi gvern b’oppożizzjoni dgħajfa wisq aktarx ikun pajjiż fejn id-demokrazija tibda titnaqqar; fejn il-gvern jibda jħossu komdu bl-aktar mod flagranti jibqa’ għaddej minn fuq kullħadd daqs li kieku xejn m’hu xejn u mingħajr ma’ tali gvern jiffaċja ebda konsegwenza. Ċertament li kull min hu ta’ rieda tajba ma’ jridx li Malta jkollha dan ix-xenarju. Ċertament li kull min hu ta’ rieda tajba jrid li f’Malta l-poplu jkollu l-għażla demokratika bejn forzi politiċi differenti. Sabiex verament ikun hemm din l-għażla libera’ u demokratika huwa essenzjali li l-Partit Nazzjonalista jkun fi stat li jista’ joffri alternattiva kreddibli u jaqdi l-funzjoni tiegħu. Għal dan kollu hemm biss il-qalb tal-volontiera; il-ħidma bla waqfien ta’ l-attivisti iżda wkoll il-fondi. 

Il-Malti jgħid li bla flus la tgħannaq u l’anqas tbus. Ma’ jfissirx li l-flus huma kollox; ma’ jfissirx li l-qalb ġeneruża tal-volontiera u l-enerġija u l-entużjażmu ta’ l-attivisti ma’ tfisser xejn. Anzi, bil-flus biss, ikun kollox ta’ xejn għaliex ir-ruħ u l-pedament ta’ partit politiku hija l-qalb tal-volontiera u l-entużjażmu ta’ l-attivisti. Ir-realta’ iżda li li l-istil modern tal-politika fuq livell Ewropew huwa still li jinvolvi nfieq konsiderevoli. 

Mingħajr dubju ta’ xejn nhar il-Ħadd li ġej ser ikunu ħafna dawk li ser ikunu ġenerużi mal-Partit Nazzjonalista. Ser ikunu ħafna dawk li bl-għotja tagħhom, żgħira kemm hi żgħira, ser jgħinu sabiex f’pajjiżna jkollna oppożizzjoni li tista’ taqdi d-dmir u d-dover tagħha bl-aħjar mod possibli. Ser ikunu ħafna dawk li ser jgħatu sinjal ta’ appoġġ lil Partit Nazzjonalista; issa b’Kap ġdid Adrian Delia u bi tmexxija ġdida. 


-->

No comments:

Post a Comment