Thursday, March 29, 2018

Bejn surplus u skandlu


Għal min isegwi b’mod regolari l-media tal-Partit Laburista, l-kelma surplus mhijiex ġdida. Anzi, l-kelma surplus saret prattikament ir-risposta għal kull mistoqsija. Għalfejn il-Partit Nazzjonalista qiegħed jikkritika l-fatt li l-gvern qed iħalli r-reputazzjoni ta’ pajjiżna titappan? Għalfejn hemm tħassib serju dwar dak li qiegħed jiġri f’Malta b’rabta mal-governanza tajba u l-mod kif jaġixxi l-gvern fil-konfront tal-korruzzjoni? Għalfejn il-media internazzjonali qegħda b’mod sistematiku u regolari tpinġi lil Malta f’dawl negattiv u oskur? Għal media Laburista r-risposta bħal donnu dejjem hi; għax jgħiru għas-suċċess tal-gvern li kiseb surplus!

Ejja nkunu ċari, li jkollna surplus hija bla dubju ta’ xejn xi ħaġa tajba. Ftit għandu jkun hawn dubju li ekonomija b’saħħita, rata ta’ tkabbir ekonomiku pożittiva u prospetti ta’ ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalita’ huma aħbarijiet fl-interess ta’ kullħadd. M’hemmx aħmar jew blu f’dawn l-affarijiet; hemm biss l-interess nazzjonali. Dwar dan il-Partit Nazzjonalista dejjem kien ċar; l-interess nazzjonali għandu jiġi l-ewwel u xi ħaġa li toffri prospetti pożittivi għal pajjiżna għandha tiġi milqugħa b’dirgħajn miftuħin.

Dan iżda ma’ jfissirx li riżultat pożittiv f’aspett jikkanċella l-iżbalji serji u gravi li qegħdin isiru f’oqsma oħra. Anzi, l-fatt li pajjiżna kellu l-ħiela jikseb surplus minkejja l-iżvantaġġi ġeografiċi tiegħu, jitfa’ aktar piż fuq il-gvern biex jaġixxi b’mod li jkompli jisfrutta dan il-potenzjal.

Jekk ġardinar jeqred siġra marida tkun ħasra iżda forsi mhux telfa kbir ħafna; imma jekk ġardinar jeqred siġra b’saħħitha li diġa bdiet toffri l-frott allura l-ħarsa tkun kbira u l-ġardinar bla dubju ta’ xejn ikun irid iwieġeb ta’ għemilu ta’ kif irnexxilu jeqred siġra li b’mod konkrett kienet qegħda turi li għandha ħafna x’toffri u kienet diġa bdiet toffri.

Is-surplus ma’ wasalx b’kumbinazzjoni jew bil-ħila ta’ gvern wieħed. Wasal sforz snin ta’ ħidma kollettiva. Għalhekk jekk il-gvern jippermetti sitwazzjoni fejn l-avvanz ekonomiku ta’ pajjiżna jiġi mhedded jew saħansitra meqrud, l-gvern ikun bħal dak il-ġardinar li taħt il-gwardja tiegħu mietet is-siġra t-tajba. Is-settur tas-Servizzi Finanzjarji huwa pilastru fundamentalissimu għal pajjiżna. Huwa settur li jimpjega lil ħafna nies b’mod dirett u li joħloq xogħol għal ħafna oħra b’mod indirett. Xogħol dirett fil-qasam legali, f’dak ta’ l-accountancy, ta’ l-IT u xogħol indirett fil-qasam ta’ l-ospitalita’, tal-kirjiet ta’ uffiċini, tal-maintenance, supplies u tindif ta’ l-istess uffiċini u ovvjament b’mod ġenerali ta’ rittmu ekonomiku ta’ nfieq u investiment.

Meta investitur serju u ta’ reputazzjoni mpekkabli jiġi biex jagħmel għażla ta’ fejn ser jinvesti; l-ftaħir ta’ One News dwar ir-ratings ta’ Fitch mhux ser jimpressjonawh, l-anqas ma’ hu ser ikun impressjonat bil-ftaħir dwar is-surplus. Li jkun jgħodd għal dak l-investitur huwa li flusu jkunu f’pajjiż politikament u ekonomikament stabbli, pajjiż fejn il-liġi tgħodd l-istess għal kullħadd, pajjiż fejn ir-reputazzjoni hija waħda nadifa għaliex il-kunċett ta’ ma’ min rajtek xebbaħtek jgħodd ħafna fuq livell globali, pajjiż fejn tirrenja n-normalita’ demokratika li min jiżbalja jħallas ta’ għemilu u mhux jiġi premjat u pajjiż li jkun magħruf f’sens pożittiv u mhux bħala xi ġurisdizzjoni li magħha ma’ tridx tmissx għax tispiċċa tiċċappas.

Jista’ l-gvern, idu fuq qalbu, jgħid li b’għemilu qed jaċċerta li pajjiżna jkun tali pajjiż? Jista’ l-gvern, idu fuq qalbu, jgħid li din hija r-realta’ ta’ Malta taħt gvern Laburista? Jew minflok għandna gvern kuntent li jista’ jiftaħar bis-surplus u ma’ jimpurtah minn xejn aktar?

Friday, March 16, 2018

Malta taħt il-lenti ta’ Brussel


Fl-aħħar jiem il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li kienet ser tniedi l-proċess għal proċeduri kontra Malta, magħrufa bl-Ingliż bħala infringement procedures b’rabta mas-sistema Maltija ta’ VAT fuq il-jottijiet. Pass li bla dubju ta’ xejn jirrapreżenta thedida diretta lill-industrija tal-jottijiet f’Malta u b’mod indirett thedida lis-settur tas-Servizzi Finanzjarji b’mod ġenerali, hekk kif il-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici ilu jagħmilha ċara li ftit li xejn għandu grazzja mas-sistema ta’ tassazzjoni Maltija.

Ir-realta’ hi li bħala pajjiż żgħir, ġeografikament maqtugħ fiżikament mill-Ewropa kontinentali, u b’popolazzjoni żgħira Malta trid tkun kreattiva sabiex tkun tista’ toffri lilha nfisha bħala kompetitur qawwi fis-suq globali kemm fl-instrudija tal-jottijiet kif ukoll fis-Servizzi Finanzjarji b’mod ġenerali. Jekk wieħed jgħati ħarsa fil-fatt lejn il-pajjiżi li Moscovici, li hu Franċiż, jħobb jattakka f’dan is-sens hemm il-Lussemburgu, Ċipru u l-Irlanda; kollha pajjiżi żgħar u għajr għal-Lussemburgu, kollha pajjiżi fil-periferija ġeografika u gzejjer.

Naturalment wieħed jista’ jispekola għalfejn Moscovici qiegħed idawwar il-kanuni fuq dawn il-pajjiż. Wieħed jista’ jispekola li Moscovici forsi huwa indirettament ispirat mill-fatt li dawn il-pajjiżi huma xewka ekonomika għal pajjiżi kbar bħal Franza u l-Ġermanja li jgawdu minn vantaġġi kbar minħabba l-kobor u l-posizzjoni ġeografika.

Huwa għalhekk li pajjiżi bħal Malta jridu jimxu b’kawtela kbira ma’ kull pass li jagħmlu. Fejn tidħol din l-industrija hekk sensittiva li tħaddem tant eluf b’mod dirett u tant eluf oħra b’mod indirett il-prijorita’ trid tkun li bl-ebda mod ma’ ngħatu lok għal inċidenti li jgħatu raġun lil xi ħadd xettiku bħal Moscovici biex isaħħaħ l-argument tiegħu kontra Malta.

Huwa għalhekk irresponsabilita’ kbira meta l-gvern jippermetti imġieba li saħħaħ il-karaterizzazjoni ta’ Moscovici kontra Malta. Karaterizzazzjoni ntiża biex teqred vantaġġ importantissimu ta’ Malta fil-qasam tal-jottijiet u tas-Servizzi Finanzjarji. Hija responsabilita’ u dmir tal-gvern li bil-maqlub jara li niex bħal Moscovici ma’ jsibu xejn xi jgħidu kontra Malta. Hekk kien il-każ taħt gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi; Malta kienet diġa fil-mira tal-kritiċi għaliex kienet diġa xewka ekonomika, imma dak iż-żmien ħadd ma’ setgħa jsib xejn xi jgħid. Hekk qiegħed jipproponi wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, jiġifieri li jkollna gvern responsabbli li jara li l-kritiċi internazzjonali ma’ jkollhomx xi jgħidu u b’hekk l-argument tagħhom ma’ jkollu ebda saħħa. Saħħa li ironikament bħalissa ġejja minn dak li qiegħed jagħmel, jew forsi ma’ jagħmilx il-gvern Malti.

Jekk b’dak li jagħmel il-gvern ser iwassal sabiex nies bħal Moscovici tgħaddi tagħhom f’dan l-attakk bla bażi reali kontra Malta allura l-gvern ser ikollu jwieġeb għalfejn bl-imġieba tiegħu wassal, anke jekk b’mod indirett, għat-telf ta’ tant impjiegi; mhux biss l-impjiegi ta’ avukati, accountants u awdituri li forsi huma l-ewwel impattati imma ta’ setturi oħra bħal ħwienet ta’ stationary, nies fil-qasam tal-IT, nies fil-qasam ta’ tindif ta’ uffiċini, nies li jikru spazju għal uffiċini, ristoranti u bars li fihom jiġu ospitatti business lunches u business meetings u għalhekk ir-rittmu ekonomiku Malti b’mod ġenerali.

B’dak li ġara Malta diġa spiċċat taħt il-lenti ta’ Brussel; illum aktar minn qatt qabel jeħtieġ li we wake up and smell the coffee u nibdew naġixxu sabiex din l-industrija vitali li welled f’pajjiżna gvern Nazzjonalista u li tista’ tiġi deskritta biss bħala the goose that lays the golden egg nħarsuha u nkabbruha għas-snin li ġejjin.

Friday, March 2, 2018

Meta minflok tiddefendi l-ħajja, tiddefendi l-mewt!


However, after a thorough analysis of how the right to life is interpreted within core treaties, it is clear to me that this right does not apply prior to birth and that international human rights law and mechanisms do not recognise a prenatal right to life. Thus, Malta’s total ban on abortion contradicts the norms of international human rights law, because it denies women a range of fundamental human rights. The Maltese authorities should remedy this situation.”. Kien dak, il-kliem skandaluż ta’ Nils Muižnieks li huwa l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa.

Diffiċli wieħed jemmen li propju l-persuna li suppost jiddefendi d-dritt tal-ħajja fl-Ewropa jasal jargumenta li huwa assurd li tgħati d-dritt tal-ħajja lil min ikun konċevut iżda għadu mhux mwieled. Diffiċli wieħed jemmen li propju l-persuna li suppost fil-ħidma tagħha targumenta fuq is-santita’ tal-ħajja minflok timbotta l-argument li l-ħajja mhux mwielda mhijiex ħajja iżda hija biss ftit ċelloli.

Din mhijiex l-ewwel darba li Muižnieks qajjem is-suġġett ta’ l-abbort f’Malta. Anzi, f’temp ta’ ftit ġimgħat qajjem dan is-suġġett darbtejn. Possibli din hija l-prijorita’ ta’ l-uffiċju tiegħu? Possibli li liġi li tippermetti l-qtil ta’ l-innoċenti f’Malta hija fuq il-lista tal-prijoritajiet tal-Kunsill ta’ l-Ewropa? Possibli li Muižnieks jemmen li huwa aktar importanti li f’Malta nippermettu l-qtil ta’ l-innoċenti milli li l-uffiċju tiegħu jindirizza kwistjonijiet serji ta’ razziżmu madwar l-Ewropa u ta’ vjolazzjoni tad-drittijiet ta’ minoranzi madwar l-Ewropa?

Għalkemm l-argument tal-fehma tal-maġġoranza huwa wieħed li forsi jista’ jkun perikoluż għaliex wieħed m’għandux jimxi b’sempliċi rule of the majority over the minority għaliex nkella fl-estrem taf tispiċċa the dictatorship of the majority over the minority il-fatt li l-abbort f’Malta għadu jsib oppożiżżjoni soda u inekwivoka mill-firxa wiesgħa ta’ l-ispettru politiku Malti għandha twassal biex jekk Muižnieks għandu nofs nitfa’ diċenza; li fil-fehma tiegħi bl-aktar mod ċar m’għandux; jaċċetta li f’Malta l-ħajja għadha meqjusa sagra ħafna, forsi aktar sagra minn ħafna pajjiżi Ewropej jew mill-Istati Uniti fejn trabba l-istess Muižnieks. Għandu jifhem li f’Malta ngħożżu l-fatt li nipproteġu l-ħajja sa mill-ewwel mumenti tagħha u mhux nqisu l-ħajja bħala xi ħaġa li takkwista d-drittijiet biss f’punt meta deċiż minn ħaddieħor imma li takkwista d-drittijiet sa mill-bidu nett tagħha.

Naturalment, dan ma’ jfissirx li Muižnieks m’għandux dritt tal-fehma tiegħu. Għandu dritt tal-fehma tiegħu u għandu dritt jesprimi l-fehma tiegħu bħalma għandu dritt kull min jemmen fil-liġi ta’ l-abort. Il-problema ta’ Muižnieks mhijiex għaliex tkellem favur l-introduzzjoni ta’ l-abort imma għaliex qiegħed jinqeda bil-kariga tiegħu biex jimbotta dan il-karru li bl-aktar mod ċar imur kontra dak kollu li jemmen il-maġġoranza tal-poplu Malti. Il-problema hi li qiegħed juża l-kariga tiegħu, u jipprova jinħeba wara skuża, biex jimbotta din il-kwistjoni.

Naqbel perfettament ma’ dak li qal il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem, jiġifieri li għandna nagħmlu minn pajjiżna mudell li jħares il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Muižnieks fi żgħożitu rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-istat ta’ Kalifornja fl-Istati Uniti. Għalhekk bix-xieraq ngħalaq bi kwotazzjoni tat-tlieta u tlettin gvernatur ta’ Kalifornja, li kien ukoll l-erbgħin President ta’ l-Istati Uniti, Ronald Reagan, meta dan stqarr, “I've noticed that everyone who is for abortion has already been born.”. Kliem ta’ min jixtarru Sur Muižnieks!