Friday, March 16, 2018

Malta taħt il-lenti ta’ Brussel


Fl-aħħar jiem il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li kienet ser tniedi l-proċess għal proċeduri kontra Malta, magħrufa bl-Ingliż bħala infringement procedures b’rabta mas-sistema Maltija ta’ VAT fuq il-jottijiet. Pass li bla dubju ta’ xejn jirrapreżenta thedida diretta lill-industrija tal-jottijiet f’Malta u b’mod indirett thedida lis-settur tas-Servizzi Finanzjarji b’mod ġenerali, hekk kif il-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici ilu jagħmilha ċara li ftit li xejn għandu grazzja mas-sistema ta’ tassazzjoni Maltija.

Ir-realta’ hi li bħala pajjiż żgħir, ġeografikament maqtugħ fiżikament mill-Ewropa kontinentali, u b’popolazzjoni żgħira Malta trid tkun kreattiva sabiex tkun tista’ toffri lilha nfisha bħala kompetitur qawwi fis-suq globali kemm fl-instrudija tal-jottijiet kif ukoll fis-Servizzi Finanzjarji b’mod ġenerali. Jekk wieħed jgħati ħarsa fil-fatt lejn il-pajjiżi li Moscovici, li hu Franċiż, jħobb jattakka f’dan is-sens hemm il-Lussemburgu, Ċipru u l-Irlanda; kollha pajjiżi żgħar u għajr għal-Lussemburgu, kollha pajjiżi fil-periferija ġeografika u gzejjer.

Naturalment wieħed jista’ jispekola għalfejn Moscovici qiegħed idawwar il-kanuni fuq dawn il-pajjiż. Wieħed jista’ jispekola li Moscovici forsi huwa indirettament ispirat mill-fatt li dawn il-pajjiżi huma xewka ekonomika għal pajjiżi kbar bħal Franza u l-Ġermanja li jgawdu minn vantaġġi kbar minħabba l-kobor u l-posizzjoni ġeografika.

Huwa għalhekk li pajjiżi bħal Malta jridu jimxu b’kawtela kbira ma’ kull pass li jagħmlu. Fejn tidħol din l-industrija hekk sensittiva li tħaddem tant eluf b’mod dirett u tant eluf oħra b’mod indirett il-prijorita’ trid tkun li bl-ebda mod ma’ ngħatu lok għal inċidenti li jgħatu raġun lil xi ħadd xettiku bħal Moscovici biex isaħħaħ l-argument tiegħu kontra Malta.

Huwa għalhekk irresponsabilita’ kbira meta l-gvern jippermetti imġieba li saħħaħ il-karaterizzazjoni ta’ Moscovici kontra Malta. Karaterizzazzjoni ntiża biex teqred vantaġġ importantissimu ta’ Malta fil-qasam tal-jottijiet u tas-Servizzi Finanzjarji. Hija responsabilita’ u dmir tal-gvern li bil-maqlub jara li niex bħal Moscovici ma’ jsibu xejn xi jgħidu kontra Malta. Hekk kien il-każ taħt gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi; Malta kienet diġa fil-mira tal-kritiċi għaliex kienet diġa xewka ekonomika, imma dak iż-żmien ħadd ma’ setgħa jsib xejn xi jgħid. Hekk qiegħed jipproponi wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, jiġifieri li jkollna gvern responsabbli li jara li l-kritiċi internazzjonali ma’ jkollhomx xi jgħidu u b’hekk l-argument tagħhom ma’ jkollu ebda saħħa. Saħħa li ironikament bħalissa ġejja minn dak li qiegħed jagħmel, jew forsi ma’ jagħmilx il-gvern Malti.

Jekk b’dak li jagħmel il-gvern ser iwassal sabiex nies bħal Moscovici tgħaddi tagħhom f’dan l-attakk bla bażi reali kontra Malta allura l-gvern ser ikollu jwieġeb għalfejn bl-imġieba tiegħu wassal, anke jekk b’mod indirett, għat-telf ta’ tant impjiegi; mhux biss l-impjiegi ta’ avukati, accountants u awdituri li forsi huma l-ewwel impattati imma ta’ setturi oħra bħal ħwienet ta’ stationary, nies fil-qasam tal-IT, nies fil-qasam ta’ tindif ta’ uffiċini, nies li jikru spazju għal uffiċini, ristoranti u bars li fihom jiġu ospitatti business lunches u business meetings u għalhekk ir-rittmu ekonomiku Malti b’mod ġenerali.

B’dak li ġara Malta diġa spiċċat taħt il-lenti ta’ Brussel; illum aktar minn qatt qabel jeħtieġ li we wake up and smell the coffee u nibdew naġixxu sabiex din l-industrija vitali li welled f’pajjiżna gvern Nazzjonalista u li tista’ tiġi deskritta biss bħala the goose that lays the golden egg nħarsuha u nkabbruha għas-snin li ġejjin.

No comments:

Post a Comment