Tul l-aħħar xhur, prattikament min meta faqqa
l-iskandlu tal-Panama Papers il-Partit
Laburista nieda kampanja sottili, u xi kultant kemm xejn inqas sottili, li fiha
kull min b’xi mod ażżarda jsemmu leħnu dwar il-koruzzjoni spiċċa mgħajjar bħala
traditur tal-pajjiż u li saħansitra qiegħed jaħdem kontra Malta.
Huwa bla dubju ta’ xejn li kull Malti għandi jkun
kburi minn pajjiżu u għandu jgħożż b’għożża dak kollu li jagħmilna Maltin.
Pajjiżna għandu storja twila u rikka; storja ta’ poplu li minkejja ċ-ċokon
tiegħu dejjem għeleb l-isfidi; anke dawk li ġnus oħra ferm akbar fid-daqs, ma’
rnexxielhomx jgħelbu. Pajjiż li minkejja ċ-ċokon tiegħu sawwar identita’
nazzjonali li tinkludi saħansitra lingwa nativa. Hemm ħafna b’xiex għandna
nkunu kburin li aħna Maltin.
L-imħabba lejn Malta u dak kollu li jagħmilna
Maltin madankollu ma’ jfissirx li m’għandniex ngħiduha kif inhi. Anzi, kważi
kważi, propju għaliex nħobbu lil Malta, għandna nkunu aħna l-ewwel nies li
nkunu kritiċi tagħna nfusna. Kritiċi tagħna nfusna sabiex fejn nistaw nagħmlu
aħjar nagħmlu aħjar; kritiċi tagħna nfusna sabiex fejn b’xi mod inkunu qed
indgħajfu lil pajjiżna nbiddlu, nirranġaw u nsaħħu.
Ieqaf ftit u aħseb; meta int tkun ser tagħmel xi
proġett kbir jew forsi tkun ser tipprova xi ħaġa ġdida; dawk ta’ madwarek li
huma għeżież għalik xi tkun tixtieq minnhom? Li anke jekk tiżbalja jew ikun
evidenti li ser tiżbalja jibqaw siekta u ma’ jgħidu xejn u jħalluk tidħol
fl-inkwiet jew li dawn iwissuk u forsi anke jkunu kritiċi sabiex int issir
konxju ta’ fejn inqast jew ser tonqos u tikkoreġi u b’hekk itejjeb lilek
nnifsek?
Daqstant ieħor min fil-konfront tal-koruzzjoni
qiegħed ikun kritiku; qiegħed juri fejn l-awtoritajiet qegħdin jonqsu u qiegħed
jagħmel dak kollu li huwa normali u ordinarju f’demokrazija moderna sabiex
iwaqqaf lil min qiegħed jiżbalja u bl-iżball tiegħu idgħajjef lil Malta.
Min qiegħed ikun kritika mhux talli mhux traditur
jew missu jistħi talli saħansitra huwa l-aqwa eżempju ta’ patrijott li tassew
iħobb lil pajjiż. Min minn naħa l-oħra qiegħed iħalli l-għamad politiku jgħamih
u jgħid Signor Si sempliċiment biex
ma’ jurtax lill-partit politiku li tiegħu huwa membru, qiegħed bl-azzjoni
tiegħu jitradixxi lil pajjiż għaliex qiegħed ipoġġi l-interess partiġġjan fuq
l-interess nazzjonali.
Dak li qegħdin jagħmlu movimenti ċivili bħal Occupy Justice, Awturi u Kenniesa u
partiti politiċi bħal Partit Nazzjonalista, il-Partit Demokratiku u
l-Alternattiva Demokratika meta dawn qegħdin ikunu kritiċi tal-korruzzjoni li
qegħda tifni l-gvern mhux talli mhux ispirat minn sens ta’ tradiment talli huwa
ispirat minn sens ta’ mħabba lejn il-pajjiż.
Pajjiżna mhuwiex ta’ xi partit politiku wieħed jew
agħar min hekk ta’ xi mexxej politiku partikolari. Pajjiżna huwa tagħna lkoll u
jekk bl-azzjoni ta’ individwu, tnejn jew tlieta, qiegħed jiġi mdgħajjef
il-pajjiż huwa d-dmir u d-dover ta’ kull wieħed u waħda minnha li jissielet
b’kemm għandu enerġija sabiex jikkumbatti favur il-pajjiż.
Huwa għalhekk f’dan l-ispirtu li l-ħidma
tal-Partit Nazzjonalista u anke ta’ l-MEP’s tal-Partit Nazzjonalista hija ħidma
li għandha tħalli lil kull hu min membru tal-Partit Nazzjonalista kburi
bil-fatt li anke fil-konfront ta’ tgħajjir u tixwix il-Partit Nazzjonalista
baqa’ jpoġġi l-interess nazzjonali u l-imħabba lejn Malta u l-Maltin l-ewwel u
qabel kollox.
No comments:
Post a Comment