Friday, July 3, 2020

Il-ħidma lejn tiġdid


Tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien wieħed storiku għal Partit Nazzjonalista hekk kif il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista approva statut ġdid. Bla dubju ta’ xejn dan l-istatut ġdid kien il-frott ta’ ħidma sfieqa mmexxija minn Louis Galea u l-frott tal-kontribut ta’ ħafna. Jekk wieħed jifli l-bidliet li hemm f’dan l-istatut rivedut wieħed malajr jinduna li din ir-reviżjoni mhijiex waħda kosmetika imma hija reviżjoni li jekk tiġi mħaddma twassal għal bidla ta’ kif issir il-politika fil-Partit Nazzjonalista.

Naturalment il-ħidma għat-tiġdid ma’ ġietx fi tmiemha bl-approvazzjoni ta’ statut ġdid. Anzi, l-approvazzjoni ta’ statut ġdid hija biss il-bidu tal-ħidma għaliex fl-aħħar mill-aħħar statut huwa biss biċċa karta jekk l-ispirtu tiegħu ma’ jiġix abbraċat u mħaddem.

Meta ngħidu li qegħdin nħaddnu proċess ta’ riforma u tiġdid ma’ jfissirx li qegħdin ngħatu dahrna lejn il-passat jew ninsew il-ħidma ta’ missirijietna. Jfisser anzi inversament li qegħdin ngħatu l-ħajja lil dik il-ħidma billi nħarsu lejn il-futur u npoġġu lil dan il-partit f’posizzjoni tajba sabiex jirbaħ l-isfidi tal-futur.

Bħal kull bidla oħra ser ikun hemm mumenti ta’ sfidi. Ser ikun hemm mumenti fejn forsi tiġi t-tentazzjoni li we play it safe u nitħajru nmorru għal dak li nafu. Hawn jeħtieġ li mhux statut ġdid biss ikollna imma attitudni ġdida. Jeħtieġ li minflok dubju jkollna kurraġġ. Jeħtieġ li naraw dak li huwa differenti min dak li seħħ qabel bħala opportunita’ u mhux thedida.

L-istorja tal-Partit Nazzjonalista hija mimlija b’mumenti fejn il-bidla mhux talli ma’ beżżgħatx lil dawk fil-Partit Nazzjonalista talli spirathom minkejja li forsi kien ikun faċli li jibżgħu. Hawn jidħol l-obbligu u d-dover ta’ kull min bħali huwa attivist tal-Partit Nazzjonalista.

Bħal donnu kullħadd jaqbel li proċess ta’ riforma u tiġdid huwa ta’ ġid għal Partit Nazzjonalista. Bħal donnu kullħadd qabel ma’ l-ispirtu ambizzjuż tar-riforma mmexxija minn Louis Galea. Issa jeħtieġ li nxammru l-kmiem u noffru l-kontribut attiv u sħiħ tagħna f’dan is-sens. Jeħtieġ li naraw kif nemmnu li nistgħu nkunu fattur li jagħmel differenza fil-Partit Nazzjonalista.

Jekk tassew hija x-xewqa tagħna li naraw Partit Nazzjonalista mġedded u vibranti allura rridu nkunu aħna fuq quddiem nett li noffru li nkun id attiva li twassal għal dak l-istat. Huwa faċli tgħid x’tixtieq u tistenna lil ħaddieħor jasal għaliha; huwa aktar produttiv li tagħmel viżjoni waħda li hija tiegħek u allura taħdem b’risq dik il-viżjoni. Xejn ma’ jseħħ waħdu, xejn ma’ jseħħ ġo vacum; dak li jiġri, jiġri għaliex ikun hemm min jagħżel li he stands up to be counted.

Fuq kollox li jkollna Partit Nazzjonalista ħaj u vibranti mhijiex kwistjoni ta’ xi pika partiġġjana qisha xi logħba derby tal-football. Huwa fl-akbar interess ta’ pajjiżna li l-Partit Nazzjonalista jkun vibranti u fl-aħjar posizzjoni biex ikun effettiv. Id-demokrazija Maltija ma’ tistax tiffunzjona jekk il-Partit Laburista jħoss li għalih l-isfida politika hija faċli. Id-demokrazija Maltija teħtieġ li f’kull ħin u mument ikollna sistema rigoruża ta’ checks and balances.

L-istorja tal-Partit Nazzjonalista hija mimlija b’paġni tad-deheb. Il-kisba ta’ l-indipendenza taħt Ġorġ Borg Olivier, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-ġlieda għal liberta’ taħt Eddie Fenech Adami, s-sħubija fil-munita Ewro taħt Lawrence Gonzi u l-battalja b’risq is-sewwa taħt Simon Busuttil u Adrian Delia.

Jien konvint li l-Partit Nazzjonalista għad għandu ħafna paġni tad-deheb x’jikteb. Jien konvint li l-Partit Nazzjonalista għad għandu mumenti kbar ta’ glorja x’joffri lil pajjiżna. Jien konvint li l-Partit Nazzjonalista għad għandu ħafna x’jgħati lil dan in-nazzjon. U propju għaliex jien daqstant konvint ninstab ħerqan, anzjuż u mimli enerġija sabiex noffri l-ħidma tiegħi b’mod dirett f’dan il-proċess ta’ tiġdid.

Awguri

Nawgura lil dan il-ġurnal anniversarju mill-isbaħ hekk kif in-Nazzjon issa ilha ħamsin sena fostna. Kburi li fil-limiti tiegħi nikkontribwixxi b’mod regolari f’dan il-ġurnal bi storja hekk rikka.

Thursday, February 20, 2020

Grazzi Simon!


Din il-ġimgħa assistejna għall-aħħar diskors ta’ Simon Busuttil fil-parlament Malti. Kien diskors li effettivament wassal lejn tmiemha l-karriera politika ta’ Simon Busuttil fix-xena lokali. Naturalment il-karriera ta’ Simon Busuttil żgur fadlilha kapitli oħra; kapitli lill’hinn minn xtutna imma li bla dubju ta’ xejn sejrin ikomplu jgħatu frott lil pajjiżna u jkomplu jaraw lil Simon Busuttil jagħmel unur lil Malta. Hekk għamel meta kien Membru tal-Parlament Ewropew, hekk għamel meta kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk għamel meta kien Kap ta’ l-Oppożizzjoni u bla dubju hekk ser ikompli jagħmel issa fil-kariga Ewropea tiegħu.

Naturalment fuq livell personali lil Simon Busuttil nibqa’ niftakru bħala dak il-Kap li taħt it-tmexxja tiegħu kkontestajt l-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħi. Fuq livell aktar wiesgħa ser nibqa’ niftakru bħala dak il-politiku li baqa’ dejjem jissielet għal dak li jemmen li huwa sewwa u ġust. Anke meta l-Partit Laburista pprova jirredikola lil Simon Busuttil huwa baqa’ sod u baqa’ jiġġieled għal dak li emmen li kien fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

Mhux faċli meta jkollok tħabbat wiċċek mal-mewġa populista tal-Partit Laburista. Mhux faċli meta jkollok tħabbat wiċċek mill-istil politiku ta’ ingann ta’ Joseph Muscat b’messaġġ li forsi jinstema’ ferm inqas fjurit imma li huwa ferm aktar reali u msejjes fuq il-verita.

M’għandi ebda dubju li fl-esperjenza ġdida tiegħu Simon Busuttil ser ikompli jkun bastjun tal-valuri Ewropej; il-valuri ta’ ġustizzja, tas-sewwa, tal-verita, tal-meritokrazija u tal-politika ta’ prinċipji.

Qbilt ma’ kull deċiżjoni li ħa Simon Busuttil? Qbilt ma’ kull kelma li qatt lissen Simon Busuttil? Fid-dinja huwa impossibli li taqbel f’kull ħin u mument. Anzi, ikun ta’ dannu jekk wieħed jaqbel f’kull ħin u mument għaliex is-sabiħ tad-demokrazija joħroġ fl-abilta’ ta’ idejat differenti li jaħdmu flimkien id f’id. Imma m’għandi ebda problema ngħid li kburi li ħdimt ma’ Simon Busuttil u li tgħajtu l-appoġġ politiku tiegħi.

Naturalment it-tmiem tal-vjaġġ lokali ma’ jfissirx it-tmiem tal-battalja lokali. Jeħtieġ li bħala Partit Nazzjonalista nkomplu l-battalja għas-sewwa, għal verita, għal ġustizzja. Dak li qiegħed iseħħ f’pajjiżna jgħabbi lil kull wieħed u waħda minnha bil-piż li naraw li f’qasir żmien ngħatu lil Partit Nazzjonalista l-għodda meħtieġa sabiex pajjiżna joħroġ mill-ħofra li daħal fiha.

Kull wieħed u waħda minnha għandu rwol x’jilgħab sabiex naraw li d-demokrazija f’pajjiżna tkun waħda reali. Kull wieħed u waħda minnha għandu rwol x’jilgħab sabiex jara li l-ġustizzja f’pajjiżna ma’ tkunux l-art mwiegħda li ma’ tasal qatt. Kull wieħed u waħda minnha għandu r-responsabbilita’ li jara li dak kollu li nagħmlu jkun fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Il-battalja għal dawn il-valuri m’għandiex tkun ta’ individwu jew ieħor. Din għandha tkun il-battalja ta’ kull min hu ta’ rieda tajba. Din għandha tkun il-battalja li tgħaqqadna bħala forza waħda; forza għas-sewwa, forza għat-tajjeb, forza li trid tagħmel u li attwalment tagħmel differenza għat-tajjeb.

Jekk nħallu lil dawn il-valuri jmexxuna allura l-Partit Nazzjonalista jista’ tassew jerġa jsir forza politika. Il-Partit Nazzjonalista jista’ tassew isir forza politika viżjonarja li tiġbed lejha demm ġdid, demm żgħażugħ. Il-Partit Nazzjonalista jista’ mill-ġdid isir partit li jispira, partit li jnissel it-tama’.

Il-kapitlu lokali ta’ Simon Busuttil wasal fi tmiemu u issa għal Simon Busuttil jibda kapitlu mill-isbaħ fi Brussel. Imma l-legat ta’ pajjiżna għadu ktieb miftuħ. Il-legat tal-Partit Nazzjonalista għadu ktieb miftuħ. X’ser jinkiteb f’dak il-legat huwa r-responsabilita’ ta’ kull wieħed u waħda minnha li tassew iħobb lil din l-art ħelwa, l-omm li tgħatna isimha!   

Thursday, February 13, 2020

Dmir lejn il-pajjiż


Ma’ nkun qed nivżela ebda sigriet jekk ngħid li fil-preżent il-Partit Nazzjonalista qiegħed jiffaċċja sfidi politiċi u finanzjarji ta’ ċertu serjeta’. Ma’ nkun qed niżvela ebda sigriet jekk ngħid li l-aħħar jiem ma’ kienux faċli għal Partit Nazzjonalista u ċertament għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom lil Partit Nazzjonalista.

Fiċ-ċirkostanzi preżenti huwa faċli li wieħed jaqta’ qalbu. Huwa faċli li wieħed jibda jemmen li l-isfida finanzjarja mhijiex ser tingħeleb jew li l-isfidi politiċi ser iwasslu lil Partit Nazzjonalista lejn l-abbissi.

Fil-ħajja ftit huma l-affarijiet li jimxu mingħajr sfidi jew mumenti ta’ diffikulta. Anke l-aktar proġetti ta’ suċċess ikollhom dak il-mument ta’ sfida fejn ikun jeħtieġ il-kurraġġ.

Naturalment fid-dawl ta’ dawn l-isfidi l-Partit Nazzjonalista ma’ jistax jibqa’ ċass u joqgħod jistenna lid-destin. Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi l-Partit Nazzjonalista jrid juri li għandu viżjoni politika, li għandu kurraġġ politiku u li għandi l-fibra morali li jirriġenera ruħu.

Huwa ċar li politikament il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ proċess ta’ tiġdid. Partit politiku li jkun ilu mill-2003 ma’ jikseb maġġoranza assoluta ta’ voti f’elezzjoni nazzjonali u mill-2008 ma’ jikseb mqar maġġoranza relattiva huwa partit li jeħtieġ tibdil mill-qiegħ.

Dan ma’ jfissirx li l-Partit Nazzjonalista għandu jwarrab il-valuri tiegħu jew jwarrab l-istorja tiegħu. Dan iffisser li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jerġa jinjetta’ demm żgħażugħ fih nnifsu. Jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jerġa mill-ġdid jibni viżjoni politika; viżjoni li tmur lill’hinn minn sempliċi forza politika alternattiva minn dik Laburista imma forza politika ambizzjuża li tispira fil-maġġoranza tal-poplu t-tama għal Malta aħjar.

Naturalment faċli wieħed jikteb dwar il-bidla; aktar sfida sabiex wieħed jagħmilha. Faċli wieħed jibqa’ fir-rokna li jkun jaf u ilu komdu fiha; aktar diffiċli wieħed jieħu pass il-quddiem u joħroġ mill-comfort zone tiegħu.

Ejja niftakru li meta nitkellmu fuq it-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista m’aħniex qegħdin nitkellmu fuq it-tisħiħ ta’ xi team tal-football fejn ma’ jkun ġara xejn billi niġu relegati. Meta nitkellmu fuq il-Partit Nazzjonalista qegħdin nitkellmu fuq kolonna essenzjalissima fid-demokrazija Maltija. X’demokrazija għandha Malta jekk il-Partit Laburista jkun aċċertat minn ċens perpetwu fil-gvern għaliex il-Partit Nazzjonalista ma’ jkunx għażla realistika? X’demokrazija għandha Malta jekk l-unika sors ta’ skrutinju fuq il-gvern huwa mis-soċjeta’ ċivili u mhux minn skrutinju parlamentari ta’ forza politika li tista’ toffri ruħha bħala gvern alternattiv. Is-soċjeta’ ċivili għandha r-rwol tagħha x’tilgħab fosthom ta’ skrutinju politiku fis-sens wiesgħa tiegħu pero’ jibqa’ l-fatt li jeħtieġ li jkun hemm ukoll forza direttament politika sabiex tali skrutinju jkollu wkoll l-potenzjal ta’ l-alternanza tal-poter.

Jien nemmen tassew fl-interess nazzjonali. Nemmen tassew li pajjiżna għandu bżonn sistema politika fejn hemm alternanza tal-poter regolari; fejn hemm gvern alternattiv f’kull ħin u kull mument, fejn ir-riġenerazzjoni hija realta’ u mhux biss teorija u fejn ma’ tonqos qatt l-imħabba lejn il-pajjiż f’kull deċiżjoni meħuda.

Huwa dan it-twemmin li jispira fiha d-determinazzjoni li nibqa’ naħdem fil-Partit Nazzjonalista; li nibqa’ lest li nxammar il-kmiem u nkun ta’ servizz fejn niġi msejjaħ sabiex inkun ta’ servizz u li nibqa’ noffri l-enerġija tiegħi b’risq pajjiżi u b’risq il-Partit Nazzjonalista. Sakemm nibqa’ nemmen li nista’ nkun ta’ servizz, fil-limiti tiegħi, nibqa’ naħdem mingħajr waqfien. Nibqa’ naħdem għal Partit Nazzjonalista li jabraċċa r-riġenerazzjoni, li jabraċċa demm ġdid u li joffri viżjoni ambizzjuża għal pajjiżna.