Thursday, February 20, 2020

Grazzi Simon!


Din il-ġimgħa assistejna għall-aħħar diskors ta’ Simon Busuttil fil-parlament Malti. Kien diskors li effettivament wassal lejn tmiemha l-karriera politika ta’ Simon Busuttil fix-xena lokali. Naturalment il-karriera ta’ Simon Busuttil żgur fadlilha kapitli oħra; kapitli lill’hinn minn xtutna imma li bla dubju ta’ xejn sejrin ikomplu jgħatu frott lil pajjiżna u jkomplu jaraw lil Simon Busuttil jagħmel unur lil Malta. Hekk għamel meta kien Membru tal-Parlament Ewropew, hekk għamel meta kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk għamel meta kien Kap ta’ l-Oppożizzjoni u bla dubju hekk ser ikompli jagħmel issa fil-kariga Ewropea tiegħu.

Naturalment fuq livell personali lil Simon Busuttil nibqa’ niftakru bħala dak il-Kap li taħt it-tmexxja tiegħu kkontestajt l-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħi. Fuq livell aktar wiesgħa ser nibqa’ niftakru bħala dak il-politiku li baqa’ dejjem jissielet għal dak li jemmen li huwa sewwa u ġust. Anke meta l-Partit Laburista pprova jirredikola lil Simon Busuttil huwa baqa’ sod u baqa’ jiġġieled għal dak li emmen li kien fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

Mhux faċli meta jkollok tħabbat wiċċek mal-mewġa populista tal-Partit Laburista. Mhux faċli meta jkollok tħabbat wiċċek mill-istil politiku ta’ ingann ta’ Joseph Muscat b’messaġġ li forsi jinstema’ ferm inqas fjurit imma li huwa ferm aktar reali u msejjes fuq il-verita.

M’għandi ebda dubju li fl-esperjenza ġdida tiegħu Simon Busuttil ser ikompli jkun bastjun tal-valuri Ewropej; il-valuri ta’ ġustizzja, tas-sewwa, tal-verita, tal-meritokrazija u tal-politika ta’ prinċipji.

Qbilt ma’ kull deċiżjoni li ħa Simon Busuttil? Qbilt ma’ kull kelma li qatt lissen Simon Busuttil? Fid-dinja huwa impossibli li taqbel f’kull ħin u mument. Anzi, ikun ta’ dannu jekk wieħed jaqbel f’kull ħin u mument għaliex is-sabiħ tad-demokrazija joħroġ fl-abilta’ ta’ idejat differenti li jaħdmu flimkien id f’id. Imma m’għandi ebda problema ngħid li kburi li ħdimt ma’ Simon Busuttil u li tgħajtu l-appoġġ politiku tiegħi.

Naturalment it-tmiem tal-vjaġġ lokali ma’ jfissirx it-tmiem tal-battalja lokali. Jeħtieġ li bħala Partit Nazzjonalista nkomplu l-battalja għas-sewwa, għal verita, għal ġustizzja. Dak li qiegħed iseħħ f’pajjiżna jgħabbi lil kull wieħed u waħda minnha bil-piż li naraw li f’qasir żmien ngħatu lil Partit Nazzjonalista l-għodda meħtieġa sabiex pajjiżna joħroġ mill-ħofra li daħal fiha.

Kull wieħed u waħda minnha għandu rwol x’jilgħab sabiex naraw li d-demokrazija f’pajjiżna tkun waħda reali. Kull wieħed u waħda minnha għandu rwol x’jilgħab sabiex jara li l-ġustizzja f’pajjiżna ma’ tkunux l-art mwiegħda li ma’ tasal qatt. Kull wieħed u waħda minnha għandu r-responsabbilita’ li jara li dak kollu li nagħmlu jkun fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Il-battalja għal dawn il-valuri m’għandiex tkun ta’ individwu jew ieħor. Din għandha tkun il-battalja ta’ kull min hu ta’ rieda tajba. Din għandha tkun il-battalja li tgħaqqadna bħala forza waħda; forza għas-sewwa, forza għat-tajjeb, forza li trid tagħmel u li attwalment tagħmel differenza għat-tajjeb.

Jekk nħallu lil dawn il-valuri jmexxuna allura l-Partit Nazzjonalista jista’ tassew jerġa jsir forza politika. Il-Partit Nazzjonalista jista’ tassew isir forza politika viżjonarja li tiġbed lejha demm ġdid, demm żgħażugħ. Il-Partit Nazzjonalista jista’ mill-ġdid isir partit li jispira, partit li jnissel it-tama’.

Il-kapitlu lokali ta’ Simon Busuttil wasal fi tmiemu u issa għal Simon Busuttil jibda kapitlu mill-isbaħ fi Brussel. Imma l-legat ta’ pajjiżna għadu ktieb miftuħ. Il-legat tal-Partit Nazzjonalista għadu ktieb miftuħ. X’ser jinkiteb f’dak il-legat huwa r-responsabilita’ ta’ kull wieħed u waħda minnha li tassew iħobb lil din l-art ħelwa, l-omm li tgħatna isimha!   

No comments:

Post a Comment