Ma’ nkun qed nivżela ebda sigriet jekk ngħid li
fil-preżent il-Partit Nazzjonalista qiegħed jiffaċċja sfidi politiċi u
finanzjarji ta’ ċertu serjeta’. Ma’ nkun qed niżvela ebda sigriet jekk ngħid li
l-aħħar jiem ma’ kienux faċli għal Partit Nazzjonalista u ċertament għal dawk
kollha li għandhom għal qalbhom lil Partit Nazzjonalista.
Fiċ-ċirkostanzi preżenti huwa faċli li wieħed
jaqta’ qalbu. Huwa faċli li wieħed jibda jemmen li l-isfida finanzjarja mhijiex
ser tingħeleb jew li l-isfidi politiċi ser iwasslu lil Partit Nazzjonalista
lejn l-abbissi.
Fil-ħajja ftit huma l-affarijiet li jimxu mingħajr
sfidi jew mumenti ta’ diffikulta. Anke l-aktar proġetti ta’ suċċess ikollhom
dak il-mument ta’ sfida fejn ikun jeħtieġ il-kurraġġ.
Naturalment fid-dawl ta’ dawn l-isfidi l-Partit
Nazzjonalista ma’ jistax jibqa’ ċass u joqgħod jistenna lid-destin. Fid-dawl
ta’ dawn l-isfidi l-Partit Nazzjonalista jrid juri li għandu viżjoni politika,
li għandu kurraġġ politiku u li għandi l-fibra morali li jirriġenera ruħu.
Huwa ċar li politikament il-Partit Nazzjonalista
jeħtieġ proċess ta’ tiġdid. Partit politiku li jkun ilu mill-2003 ma’ jikseb
maġġoranza assoluta ta’ voti f’elezzjoni nazzjonali u mill-2008 ma’ jikseb mqar
maġġoranza relattiva huwa partit li jeħtieġ tibdil mill-qiegħ.
Dan ma’ jfissirx li l-Partit Nazzjonalista għandu
jwarrab il-valuri tiegħu jew jwarrab l-istorja tiegħu. Dan iffisser li l-Partit
Nazzjonalista jeħtieġ li jerġa jinjetta’ demm żgħażugħ fih nnifsu. Jeħtieġ li
l-Partit Nazzjonalista jerġa mill-ġdid jibni viżjoni politika; viżjoni li tmur
lill’hinn minn sempliċi forza politika alternattiva minn dik Laburista imma
forza politika ambizzjuża li tispira fil-maġġoranza tal-poplu t-tama għal Malta
aħjar.
Naturalment faċli wieħed jikteb dwar il-bidla; aktar
sfida sabiex wieħed jagħmilha. Faċli wieħed jibqa’ fir-rokna li jkun jaf u ilu
komdu fiha; aktar diffiċli wieħed jieħu pass il-quddiem u joħroġ mill-comfort
zone tiegħu.
Ejja niftakru li meta nitkellmu fuq it-tisħiħ
tal-Partit Nazzjonalista m’aħniex qegħdin nitkellmu fuq it-tisħiħ ta’ xi team
tal-football fejn ma’ jkun ġara xejn billi niġu relegati. Meta nitkellmu fuq
il-Partit Nazzjonalista qegħdin nitkellmu fuq kolonna essenzjalissima
fid-demokrazija Maltija. X’demokrazija għandha Malta jekk il-Partit Laburista
jkun aċċertat minn ċens perpetwu fil-gvern għaliex il-Partit Nazzjonalista ma’
jkunx għażla realistika? X’demokrazija għandha Malta jekk l-unika sors ta’
skrutinju fuq il-gvern huwa mis-soċjeta’ ċivili u mhux minn skrutinju
parlamentari ta’ forza politika li tista’ toffri ruħha bħala gvern alternattiv.
Is-soċjeta’ ċivili għandha r-rwol tagħha x’tilgħab fosthom ta’ skrutinju
politiku fis-sens wiesgħa tiegħu pero’ jibqa’ l-fatt li jeħtieġ li jkun hemm
ukoll forza direttament politika sabiex tali skrutinju jkollu wkoll l-potenzjal
ta’ l-alternanza tal-poter.
Jien nemmen tassew fl-interess nazzjonali. Nemmen
tassew li pajjiżna għandu bżonn sistema politika fejn hemm alternanza tal-poter
regolari; fejn hemm gvern alternattiv f’kull ħin u kull mument, fejn
ir-riġenerazzjoni hija realta’ u mhux biss teorija u fejn ma’ tonqos qatt
l-imħabba lejn il-pajjiż f’kull deċiżjoni meħuda.
Huwa dan it-twemmin li jispira fiha
d-determinazzjoni li nibqa’ naħdem fil-Partit Nazzjonalista; li nibqa’ lest li
nxammar il-kmiem u nkun ta’ servizz fejn niġi msejjaħ sabiex inkun ta’ servizz
u li nibqa’ noffri l-enerġija tiegħi b’risq pajjiżi u b’risq il-Partit
Nazzjonalista. Sakemm nibqa’ nemmen li nista’ nkun ta’ servizz, fil-limiti
tiegħi, nibqa’ naħdem mingħajr waqfien. Nibqa’ naħdem għal Partit Nazzjonalista
li jabraċċa r-riġenerazzjoni, li jabraċċa demm ġdid u li joffri viżjoni
ambizzjuża għal pajjiżna.
No comments:
Post a Comment