Din il-ġimgħa assistejna għall-aħħar diskors ta’
Simon Busuttil fil-parlament Malti. Kien diskors li effettivament wassal lejn
tmiemha l-karriera politika ta’ Simon Busuttil fix-xena lokali. Naturalment
il-karriera ta’ Simon Busuttil żgur fadlilha kapitli oħra; kapitli lill’hinn
minn xtutna imma li bla dubju ta’ xejn sejrin ikomplu jgħatu frott lil pajjiżna
u jkomplu jaraw lil Simon Busuttil jagħmel unur lil Malta. Hekk għamel meta
kien Membru tal-Parlament Ewropew, hekk għamel meta kien Viċi Kap tal-Partit
Nazzjonalista, hekk għamel meta kien Kap ta’ l-Oppożizzjoni u bla dubju hekk
ser ikompli jagħmel issa fil-kariga Ewropea tiegħu.
Naturalment fuq livell personali lil Simon
Busuttil nibqa’ niftakru bħala dak il-Kap li taħt it-tmexxja tiegħu kkontestajt
l-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħi. Fuq livell aktar wiesgħa ser nibqa’ niftakru
bħala dak il-politiku li baqa’ dejjem jissielet għal dak li jemmen li huwa
sewwa u ġust. Anke meta l-Partit Laburista pprova jirredikola lil Simon
Busuttil huwa baqa’ sod u baqa’ jiġġieled għal dak li emmen li kien fl-aħjar
interess ta’ pajjiżna.
Mhux faċli meta jkollok tħabbat wiċċek mal-mewġa
populista tal-Partit Laburista. Mhux faċli meta jkollok tħabbat wiċċek
mill-istil politiku ta’ ingann ta’ Joseph Muscat b’messaġġ li forsi jinstema’
ferm inqas fjurit imma li huwa ferm aktar reali u msejjes fuq il-verita.
M’għandi ebda dubju li fl-esperjenza ġdida tiegħu
Simon Busuttil ser ikompli jkun bastjun tal-valuri Ewropej; il-valuri ta’
ġustizzja, tas-sewwa, tal-verita, tal-meritokrazija u tal-politika ta’
prinċipji.
Qbilt ma’ kull deċiżjoni li ħa Simon Busuttil?
Qbilt ma’ kull kelma li qatt lissen Simon Busuttil? Fid-dinja huwa impossibli
li taqbel f’kull ħin u mument. Anzi, ikun ta’ dannu jekk wieħed jaqbel f’kull
ħin u mument għaliex is-sabiħ tad-demokrazija joħroġ fl-abilta’ ta’ idejat
differenti li jaħdmu flimkien id f’id. Imma m’għandi ebda problema ngħid li
kburi li ħdimt ma’ Simon Busuttil u li tgħajtu l-appoġġ politiku tiegħi.
Naturalment it-tmiem tal-vjaġġ lokali ma’ jfissirx
it-tmiem tal-battalja lokali. Jeħtieġ li bħala Partit Nazzjonalista nkomplu
l-battalja għas-sewwa, għal verita, għal ġustizzja. Dak li qiegħed iseħħ
f’pajjiżna jgħabbi lil kull wieħed u waħda minnha bil-piż li naraw li f’qasir
żmien ngħatu lil Partit Nazzjonalista l-għodda meħtieġa sabiex pajjiżna joħroġ
mill-ħofra li daħal fiha.
Kull wieħed u waħda minnha għandu rwol x’jilgħab
sabiex naraw li d-demokrazija f’pajjiżna tkun waħda reali. Kull wieħed u waħda
minnha għandu rwol x’jilgħab sabiex jara li l-ġustizzja f’pajjiżna ma’ tkunux
l-art mwiegħda li ma’ tasal qatt. Kull wieħed u waħda minnha għandu
r-responsabbilita’ li jara li dak kollu li nagħmlu jkun fl-aħjar interess
tal-pajjiż.
Il-battalja għal dawn il-valuri m’għandiex tkun
ta’ individwu jew ieħor. Din għandha tkun il-battalja ta’ kull min hu ta’ rieda
tajba. Din għandha tkun il-battalja li tgħaqqadna bħala forza waħda; forza
għas-sewwa, forza għat-tajjeb, forza li trid tagħmel u li attwalment tagħmel
differenza għat-tajjeb.
Jekk nħallu lil dawn il-valuri jmexxuna allura
l-Partit Nazzjonalista jista’ tassew jerġa jsir forza politika. Il-Partit
Nazzjonalista jista’ tassew isir forza politika viżjonarja li tiġbed lejha demm
ġdid, demm żgħażugħ. Il-Partit Nazzjonalista jista’ mill-ġdid isir partit li
jispira, partit li jnissel it-tama’.
Il-kapitlu lokali ta’ Simon Busuttil wasal fi
tmiemu u issa għal Simon Busuttil jibda kapitlu mill-isbaħ fi Brussel. Imma
l-legat ta’ pajjiżna għadu ktieb miftuħ. Il-legat tal-Partit Nazzjonalista
għadu ktieb miftuħ. X’ser jinkiteb f’dak il-legat huwa r-responsabilita’ ta’
kull wieħed u waħda minnha li tassew iħobb lil din l-art ħelwa, l-omm li
tgħatna isimha!