Thursday, November 30, 2017

Il-Plattina tal-Fidda


Bl-Ingliż meta ngħidu li xi ħaġa ġiet served on a silver platter nkunu qegħdin ngħidu li xi ħadd akkwista’ xi ħaġa b’faċilita’ kbira; anzi forsi aktarx b’wisq faċilita’ meta wieħed iqies dak li jkun ġie akwistat. Fil-fatt l-espressjoni served on a silver platter ġeneralment tintuża f’kuntesti negattivi li jindikaw li ħadd għamel il-ħajja ta’ ħaddieħor wisq faċli.

Hija espressjoni li bħalissa tapplika għal Malta u r-reputazzjoni internazzjonali tagħha. Il-qasam tas-servizzi finanzjarji huwa pilastru mill-aktar importanti fl-ekonomija Maltija. Huwa qasam li qiegħed mhux biss jiġġenera ħafna xogħol imma ħafna xogħol ta’ kwalita’ għolja. Xogħol li sar sors ta’ għixien għal bosta nies, direttament permezz ta’ ħidma fis-settur jew indirettament permezz ta’ servizzi offruti lil uffiċini u kumpaniji fis-settur.

Sabiex pajjiż ikollu qasam tas-servizzi finanzjarji b’saħħtu jeħtieġ li jkollu sistema legali soda u business friendly. Sistema legali mibnija bil-ħsieb li pajjiż ikun ser isir ċentru tas-servizzi finanzjarji fuq skala internazzjonali. Pajjiż irid ukoll ikollu reputazzjoni tajba u nadifa. Investituri kbar u ta’ reputazzjoni dejjem jfittxu li jkunu assoċjati ma’ pajjiżi li m’hemm ebda ombra ta’ dubju dwar ir-reputazzjoni tagħhom. Pajjiżi b’dubji serji dwarhom wisq aktarx jispiċċaw kapaċi biss jattiraw it-tip ta’ investiment li fl-aħjar xenarju huwa insostennibli fit-tul u fl-agħar xenarju għandu konessjonijiet kriminali.

Huwa għalhekk fundamentali li pajjiżna dejjem jara li jkollu qafas legali li jippermetti lis-settur tas-servizzi finanzarji jikber u jifjorixxi. Dwar dan ftit hemm dubji għaliex jekk f’pajjiżna hemm suġġett li dwaru hemm qbil politiku huwa propju dwar dan. Il-Partit Nazzjonalista welled is-servizzi finanzarji u għalhekk bla dubju ta’ xejn huwa kommess li jkompli jaħdem sabiex dan is-settur ikompli jikber u jifjorixxi. Fejn jidħol il-qafas legali tal-liġijiet ftit hemm x’tilmenta dwar gvern Laburista. Dan kompla jibni fuq il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u kompla jsostni liġijiet li jgħinu fit-tkattir tas-servizzi finanzarji.

Mhux l-istess jista’ jingħad fejn tidħol ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-kwistjoni tar-reputazzjoni mhijiex xi ħaġa żgħira jew sekondarja. Hija fundamentali daqs il-qafas legali jekk mhux kważi kważi aktar għaliex inutli għandek il-liġijiet imma m’għandekx investituri li jridu jmissu mal-pajjiż. Huwa għalhekk li kull mossa jew nuqqas ta’ deċiżjoni li tista’ twassal għal sitwazzjoni ta’ nuqqas fiduċja f’pajjiżna għandha tiġi evitata għal kollox mill-gvern. Ikun żball ukoll jekk naħsbu li jekk nipprovaw nsikktu l-kritiċi lokali sejrin b’xi mod nsolvu l-problema. Bħalma aħna nsiru nafu x’inhu jiġri f’pajjiżi oħra f’tebqa ta’ għajn daqstant ieħor ħaddieħor isir jaf x’inhu jiġri f’pajjiżna f’tebqa ta’ għajn. Illum il-ġurnata grazzi għall-internet l-informazzjoni saret aċċessibli b’ħeffa kbira u b’faċilita’ kbira. Dak li ma rridux li jtebba isem pajjiżna għandna naraw li ma’ jiġrix u mhux nipprovaw nsiktu lil kritiċi milli jitkelmu dwaru.

Huwa stat ta’ fatt li bħal kull ċentru ieħor ta’ servizzi finanzarji pajjiżna għandu rivali. Rivali li jew jixtiequ jisirqu l-industrija minn hawn nkella huwa fl-interess dirett tagħhom li Malta ma’ ssirx ċentru tas-servizzi finanzjarji. Ejja ma nħallux li jkollna gvern li bl-azzjonijiet tiegħu stess jagħmel il-ħajja ta’ dawn ir-rivali faċli billi jippermetti isem pajjiżna jiġi mħammeġ. Let us not serve our reputation and the industry to our rivals on a silver platter; biex nkunu użajna l-famuża espressjoni f’kuntest.

No comments:

Post a Comment