Thursday, February 22, 2018

Is-Servizzi Finanzjarji u l-interess nazzjonali


Malta bħalissa tinstab taħt lenti negattiva ħafna fuq livell internazzjonali. L-isem ta’ Malta flok qiegħed jiġi sinonimu ma’ ċentru ta’ eċċellenza fis-servizzi finanzarji qiegħed jsir sinonimu ma’ korruzzjoni istituzzjonalizata u kultura kbira ta’ xejn m’hu xejn. Dan it-timbru negattiv m’huwa xejn għajr xkiel dirett għat-tkabbir tas-settur tas-Servizzi Finanzjarji u thedida diretta għal ekonomija Maltija.

Jekk hemm settur fejn ir-reputazzjoni hija vitali dan bla dubju ta’ xejn huwa dak tas-Servizzi Finanzjarji. Ikun kollu ta’ xejn jekk għandna istituzzjonijiet li jaħdmu b’mod effiċenti, jekk għandna qafas legali mill-aqwa, jekk għandna l-skilled workforce u l-infrastruttura meħtieġa jekk imbgħad ir-reputazzjoni tagħna tkun waħda dubjuża. Investitur meta jagħżel fejn ser jinvesti flusu spiss ser jara li jkollu moħħu mistrieħ għal kollox li m’hemm ebda ombra ta’ dubju fuq fejn investa flusu. Investitur serju ma’ jkunx irid li b’xi mod jiċċappas u jibda jidher bħala investitur mhux serju u għalhekk jitlef il-kredibilita’ fis-settur.

Bla dubju ta’ xejn jekk is-settur tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna jmur lura l-effetti jkunu koroh ħafna. Din mhux kwistjoni ta’ Nazzjonalisti u Laburisti; din mhux kwistjoni ta’ politika partiġġjana. Din hija kwistjoni ta’ interess nazzjonali fejn huma l-ħafna dawk li jintlaqtlu jekk ma’ jittieħdux il-passi meħtieġa sabiex nħarsu isem pajjiżna. Forsi wħud jaslu jgħidu, imma bis-Servizzi Finanzjarji mhux l-avukati u l-accountants biss jaqilgħu x’jieklu? Mhux sempliċiment imorru jaħdmu l-qorti jew il-bank minflok?

Filwaqt li huwa vera li s-Servizzi Finanzjarji jipprovdu impjieg għal ħafna avukati u accountants, l-firxa hija ferm aktar wiesgħa. Kemm hawn f’pajjiżna nies fis-settur tal-IT li jipprovdu servizz ta’ manteniment tal-computers lil kumpaniji fis-Servizzi Finanzjarji? Kemm hawn f’pajjiżna nies li jipprodu servizz ta’ tindif jew handymen f’uffiċini ta’ kumpaniji fis-Servizzi Finanzjarji? Kemm hawn f’pajjiżna ristoranti jew kafeteriji li bħala sors ta’ klijenti għandhom business meetings, formali jew informali, li jsiru minn kumpaniji fis-Servizzi Finanzjarji? Kemm hawn f’pajjiżna kumpaniji li jbigħu prodotto ta’ stationary lill-uffiċini tas-Servizzi Finanzjarji? Il-katina hija waħda wiesgħa ħafna u tmur ferm lill’hinn minn sempliċi avukati u accountants.

Is-settur tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna hu dak li hu grazzi għal ħidma ta’ ħafna. Snin twal ta’ xogħol iebes sabiex pajjiżna bena dan is-settur li maż-żmien hija dejjem juru potenzjal ta’ tkabbir u jipprovdi niċċeċ ekonomiċi ġodda. Tkun tassew ħasra jekk dik il-ħidma kollha tintilef għaliex pajjiżna jagħżel li ma’ jieħux il-passi meħtieġa. Tkun tassew ħasra jekk nippermettu r-rivali internazzjonali tagħna jimmanuvraw b’mod li jkissru is-settur Malti, għal gwadan ta’ pajjiżhom, liema sitwazzjoni tkun biss possibli għaliex bħala pajjiż nkunu nqasna milli nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

L-għadu tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna mhuwiex il-Partit Nazzjonalista. L-anqas huwa min qiegħed bir-raġun iqajjem id-dubji fejn hemm lok ġustifikat ta’ dubji. L-anqas huwa r-rival internazzjonali li wieħed jifhem li jrid iħares l-interess tiegħu. L-għadu tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna hija l-kultura ta’ xejn m’hu xejn; il-kultura fejn bħal donnu l-liġi mhijiex l-istess għal kullħadd. Il-ħarsien tas-Servizzi Finanzjarji jista’ jkun assigurat biss mhux billi nsiktu l-oppożizzjoni imma billi min għandu l-poter jieħu d-deċiżjonijiet jeħodhom.

Thursday, February 15, 2018

Partit li jħares 'il quddiem

Matul dawn il-jiem il-Partit Nazzjonalista beda proċess ieħor ta’ tiġdid fi ħdanu. Din id-darba skatta l-proċess ta’ tiġdid tal-Kumitati Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista u tal-fergħat tal-Partit Nazzjonalista. Proċess li jkompli mal-katina ta’ proċessi interni ta’ tiġdid li saru fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur.

Forsi jkun hemm min jesprimi xettiċiżmu dwar x’importanza jista’ jkollu l-proċess ta’ tiġdid tal-Kumitati Sezzjonali tal-fergħat tal-Partit Nazzjonalista. Il-verita’ iżda hi li dawn għandu jkollhom, u perswas li ser ikollhom, rwol mill-aktar kruċjali fil-Partit Nazzjonalista.

Il-Kumitati Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista mhumiex sempliċi kumitati ta’ fund raising jew sempliċi day to day administrators tal-każini tal-Partit Nazzjonalista madwar Malta u Għawdex. Dawn il-kumitati għandhom il-potenzjal li jkunu is-swaba tal-Partit Nazzjonalista fid-diversi lokalitajiet. Għandhom il-potenzjal li jkunu strument effettiv li jwassal lil Partit Nazzjonalista sabiex jibni politika li tkun tirrifletti l-asiprazzjonijiet tal-poplu. Għandhom il-potenzjal li jkunu strument kruċjali sabiex il-Partit Nazzjonalista jattira lejh nies li forsi fl-aħħar snin ħassewhom distakkati mill-Partit Nazzjonalista jew saħansitra nies li forsi tradizzjonalment qatt ma’ ħassew li setgħu jassoċjaw ruħhom mal-Partit Nazzjonalista.

Naturalment dan il-potenzjal ma’ jiġix sfruttat sempliċiment billi wieħed jikteb u jitkellem dwaru. Jiġi sfruttat billi tali Kumitati Sezzjonali jiġu mgħotija ċ-ċans u l-ispazzju meħtieġ u billi tali kumitati jkollhom l-għodda meħtieġa. M’għandi ebda dubju li fix-xhur li ġejjin tali mira ser tkun fil-qalba tal-politika amministrattiva tal-Partit Nazzjonalista.

Jekk il-Partit Nazzjonalista jerġa jgħati nifs ta’ ħajja ġdid lil Kumitati Sezzjonali allura jkun qed jiġi assigurat li l-Partit Nazzjonalista jkun beda t-triq li jerġa mill-ġdid isir il-Partit tan-nies u l-għażla naturali tal-Maltin.

Hemm mbgħad fi ħdan il-Partit Nazzjonalista il-fergħat. Dawn ukoll huma għodda utli għal Partit Nazzjonalista. Bħalma l-Kumitati Sezzjonali jipprovdu pont dirett bejn il-Partit Nazzjonalista u l-lokal, l-fergħat jipprovdu pont dirett bejn il-Partit Nazzjonalista u setturi differenti. Hawn ukoll m’għandi ebda dubju li fix-xhur li ġejjin il-ħidma amministrattiva tal-Partit Nazzjonalista ser tinkludi ħidma ċara sabiex il-fergħat jingħataw spazju akbar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u sabiex tali fergħat ikollhom l-għodda kollha meħtieġa.

Naturalment dan il-proċess ta’ tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qiegħed isir kollu għal għan wieħed; il-ġid nazzjonali. Huwa ċar li pajjiżna għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu, Partit Nazzjonalista maqgħud, Partit Nazzjonalista b’viżjoni u mira ċara, Partit Nazzjonalista fejn kullħadd qiegħed jaħdem id f’id taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia sabiex l-istess Partit Nazzjonalista jkun f’posizzjoni li joffri lilu nnifsu bħala gvern alternattiv. Malta jixraqilha aħjar mill-korruzzjoni istituzzjonalizata. Malta jixraqilha aħjar minn gvern li minkejja kull kritika jibqa’ għaddej business as usual anke jekk tali attitudni qegħda tkun ta’ thedida diretta għal fost l-aktar setturi ekonomiċi importanti għal pajjiżna.

It-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista għalhekk mhuwiex xi proċess għan-Nazzjonalisti. Huwa proċess miftuħ għal dawk kollha ta’ rieda tajba. Proċess għal dawk kollha li jemmnu li pajjiżna għandu bżonn tama’ ġdida fil-politika. Għal dawk kollha li jemmnu f’mod ġdid ta’ kif issir il-politika.

Min hawn nrodd ħajr lil Kumitat Sezzjonali u fergħat uxxenti kollha filwaqt li bil-lest nawgura ħidma sfieqa lil kumitati u fergħat li ser jiġu eletti fil-jiem li ġejjin. Naturalment awgurju partikolari jmur għal kumitati tat-8 distrett elettorali, li fih jien kandidat għal elezzjoni ġenerali jiġifieri il-kumitati ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, Ħal Lija u l-Iklin.

Thursday, February 8, 2018

The Post


Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet mort nara l-film The Post li bħalissa qiegħed jintwera fis-swali taċ-ċinema lokali. Film produzzjoni ta’ Steven Spielberg u li jara lill-attur magħruf Tom Hanks fir-rwol ta’ Ben Bradlee u Meryl Streep fir-rwol ta’ Katherine Graham. Bradlee kien l-editur tal-gazzetta Amerikana The Washington Post filwaqt li Graham kienet is-sid tal-kumpanija li kienet tippubblika din il-gazzetta. Il-film jiffoka fuq il-perjodu meta The New York Times ħarġet ir-revelazzjonijiet dwar ir-rapport ta’ ċertu Robert McNamara (magħruf bħala The Pentagon Papers) dwar il-gwerra fil-Vjetnamm. Rapport li kien juri sens ta’ għerq u xi kultant anke gideb taħt il-Presidenza ta’ Lyndon B Johnson u numru ta’ deċiżjonijiet dubjużi ħafna taħt il-Presidenza ta’ Harry S Truman, Dwight D Eisenhower u John F Kennedy kollha b’rabta mal-Vjetnam.

Il-film jeħodna lura għal mument fl-istorja meta l-President Richard Nixon ipprova juża s-saħħa tal-liġi biex isikett lil The New York Times milli tagħmel dawn ir-revelazzjonijiet li kienu qegħdin joħolqu klima taħraq fil-politika u prova saħansitra jhedded lil The Washington Post bl-eżistenza tagħha hekk kif din il-gazzetta kienet finanzjarjament ferm inqas stabbli mir-rival tagħha f’New York.

Bla dubju ta’ xejn dak li naraw fil-film The Post mhux diffiċli nimmaġinawh. F’Malta wkoll għandna sitwazzjoni fejn il-media indipendenti tinstab taħt assedju; anzi taħt diversi assedji. Hemm minn naħa l-assedju legali fejn dawk li jressqu l-kritika qegħdin jiffaċjaw is-sogru ta’ kawżi ta’ libell bi spejjeż ta’ miljuni kbar ta’ Ewro; kawżi li ċertament ikunu jfissru l-mewt finanzarju tal-pubblikazzjoni in kwistjoni. L-assedji tat-thedid u l-insulti; bħalma per eżempju ġie żvelat jumejn ilu fil-portal Newsbook fejn żvela konverzazzjonijiet speċifiċi sabiex jiġu koordinati attakki fuq il-knisja u l-media tagħha għaliex din l-istess media mhijiex lesta tiġbed il-ħabel Laburista. Assedju saħansitra anke minn uħud li jridu jsejħu lilhom nfushom ġurnalisti u jipprovaw jilgħabuha tal-ġurnalisti imma fir-realta’ m’huma xejn għajr propogandisti li jpoġġu l-ewwel u qabel kollox l-interess partiġġjan.

Fl-Istati Uniti l-film The Post jurina li t-thedid tal-President Nixon ġie mgħelub biss grazzi għal kuraġġ u determinazzjoni li ntwera minn The New York Times u The Washington Post u dawk il-gazzetti li ħarġu għonqhom b’appoġġġ. Determinazzjoni u kurraġġ li wasslu sabiex il-liberta’ ta’ l-espressjoni ġiet protetta saħansitra anke legalment b’deċiżjoni tal-Qorti Suprema Amerikana.

F’Malta l-battalja mhijiex mirbuħa. L-anqas hija mitlufa. Hija battalja ħajja u kif ser tintemm huwa f’idejn kull wieħed u waħda minnha. Li nħarsu l-liberta’ ta’ l-istampa; mhux biss fuq il-karta tal-liġi imma fir-realta’ għandha tkun missjoni mhux tan-Nazzjonalisti jew Laburisti imma ta’ kull Malti ta’ rieda tajba li jemmen fil-liberta’ u li jemmen li kullħadd għandu d-dritt jsemma’ leħnu.

Ħadd ma’ jista’ jargumenta li l-media hija perfetta. Il-film The Post jagħmel dan il-punt ukoll u juri kif per eżempju The Washington Post kellha favoritiżmu ċar lejn id-Demokratiċi partikolarment fi żmien Kennedy. Madankollu b’dawn id-diffetti b’kollox id-demokrazija hija ferm aktar vibranti u b’saħħitha bil-presenza tal-media indipendenti milli qatt tista’ tkun f’ċirkostanza fejn il-gvern tal-ġurnata jkollu s-saħħa li jsikket.

Fil-Belt bħalissa hemm mafkar għal Daphne Caruana Galizia. Hemm min jemmen li għandna nagħmlu mafkar aktar permanenti għal din il-ġurnalista. Idea li bla dubju ta’ xejn naqbel magħha b’mod assolut. Jeħtieġ iżda li l-aqwa mafkar għal Daphne Caruana Galizia ma’ jkunx dak ta’ l-irħam u l-bronz li qed jiġi propost u li nemmen li għandu jsir. Jeħtieġ li l-aqwa mafkar għal Daphne Caruana Galizia huwa li nkomplu l-battalja sabiex f’pajjiżna tirrenja d-demokrazija u l-liberta’ anke jekk l-istess demokrazija u liberta’ bħal donnu ma’ tinżilx daqstant għasel mal-Partit Laburista li spiss kasbar id-demokrazija u sfortunatament jidher li ser ikompli jkasbar id-demokrazija.