Forsi jkun hemm min jesprimi xettiċiżmu dwar x’importanza jista’ jkollu
l-proċess ta’ tiġdid tal-Kumitati Sezzjonali tal-fergħat tal-Partit
Nazzjonalista. Il-verita’ iżda hi li dawn għandu jkollhom, u perswas li ser
ikollhom, rwol mill-aktar kruċjali fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Kumitati Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista mhumiex sempliċi kumitati
ta’ fund raising jew sempliċi day to day administrators tal-każini
tal-Partit Nazzjonalista madwar Malta u Għawdex. Dawn il-kumitati għandhom
il-potenzjal li jkunu is-swaba tal-Partit Nazzjonalista fid-diversi
lokalitajiet. Għandhom il-potenzjal li jkunu strument effettiv li jwassal lil
Partit Nazzjonalista sabiex jibni politika li tkun tirrifletti
l-asiprazzjonijiet tal-poplu. Għandhom il-potenzjal li jkunu strument kruċjali
sabiex il-Partit Nazzjonalista jattira lejh nies li forsi fl-aħħar snin
ħassewhom distakkati mill-Partit Nazzjonalista jew saħansitra nies li forsi
tradizzjonalment qatt ma’ ħassew li setgħu jassoċjaw ruħhom mal-Partit
Nazzjonalista.
Naturalment dan il-potenzjal ma’ jiġix sfruttat sempliċiment billi wieħed
jikteb u jitkellem dwaru. Jiġi sfruttat billi tali Kumitati Sezzjonali jiġu
mgħotija ċ-ċans u l-ispazzju meħtieġ u billi tali kumitati jkollhom l-għodda
meħtieġa. M’għandi ebda dubju li fix-xhur li ġejjin tali mira ser tkun
fil-qalba tal-politika amministrattiva tal-Partit Nazzjonalista.
Jekk il-Partit Nazzjonalista jerġa jgħati nifs ta’ ħajja ġdid lil Kumitati
Sezzjonali allura jkun qed jiġi assigurat li l-Partit Nazzjonalista jkun beda
t-triq li jerġa mill-ġdid isir il-Partit tan-nies u l-għażla naturali
tal-Maltin.
Hemm mbgħad fi ħdan il-Partit Nazzjonalista il-fergħat. Dawn ukoll huma
għodda utli għal Partit Nazzjonalista. Bħalma l-Kumitati Sezzjonali jipprovdu
pont dirett bejn il-Partit Nazzjonalista u l-lokal, l-fergħat jipprovdu pont
dirett bejn il-Partit Nazzjonalista u setturi differenti. Hawn ukoll m’għandi
ebda dubju li fix-xhur li ġejjin il-ħidma amministrattiva tal-Partit
Nazzjonalista ser tinkludi ħidma ċara sabiex il-fergħat jingħataw spazju akbar
fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u sabiex tali fergħat ikollhom l-għodda kollha
meħtieġa.
Naturalment dan il-proċess ta’ tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista
qiegħed isir kollu għal għan wieħed; il-ġid nazzjonali. Huwa ċar li pajjiżna
għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu, Partit Nazzjonalista maqgħud,
Partit Nazzjonalista b’viżjoni u mira ċara, Partit Nazzjonalista fejn kullħadd
qiegħed jaħdem id f’id taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia sabiex l-istess Partit
Nazzjonalista jkun f’posizzjoni li joffri lilu nnifsu bħala gvern alternattiv.
Malta jixraqilha aħjar mill-korruzzjoni istituzzjonalizata. Malta jixraqilha
aħjar minn gvern li minkejja kull kritika jibqa’ għaddej business as usual anke jekk tali attitudni qegħda tkun ta’ thedida
diretta għal fost l-aktar setturi ekonomiċi importanti għal pajjiżna.
It-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista għalhekk mhuwiex xi proċess
għan-Nazzjonalisti. Huwa proċess miftuħ għal dawk kollha ta’ rieda tajba.
Proċess għal dawk kollha li jemmnu li pajjiżna għandu bżonn tama’ ġdida
fil-politika. Għal dawk kollha li jemmnu f’mod ġdid ta’ kif issir il-politika.
Min hawn nrodd ħajr lil Kumitat Sezzjonali u fergħat uxxenti kollha filwaqt
li bil-lest nawgura ħidma sfieqa lil kumitati u fergħat li ser jiġu eletti
fil-jiem li ġejjin. Naturalment awgurju partikolari jmur għal kumitati tat-8
distrett elettorali, li fih jien kandidat għal elezzjoni ġenerali jiġifieri
il-kumitati ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, Ħal Lija u l-Iklin.
No comments:
Post a Comment