Thursday, February 8, 2018

The Post


Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet mort nara l-film The Post li bħalissa qiegħed jintwera fis-swali taċ-ċinema lokali. Film produzzjoni ta’ Steven Spielberg u li jara lill-attur magħruf Tom Hanks fir-rwol ta’ Ben Bradlee u Meryl Streep fir-rwol ta’ Katherine Graham. Bradlee kien l-editur tal-gazzetta Amerikana The Washington Post filwaqt li Graham kienet is-sid tal-kumpanija li kienet tippubblika din il-gazzetta. Il-film jiffoka fuq il-perjodu meta The New York Times ħarġet ir-revelazzjonijiet dwar ir-rapport ta’ ċertu Robert McNamara (magħruf bħala The Pentagon Papers) dwar il-gwerra fil-Vjetnamm. Rapport li kien juri sens ta’ għerq u xi kultant anke gideb taħt il-Presidenza ta’ Lyndon B Johnson u numru ta’ deċiżjonijiet dubjużi ħafna taħt il-Presidenza ta’ Harry S Truman, Dwight D Eisenhower u John F Kennedy kollha b’rabta mal-Vjetnam.

Il-film jeħodna lura għal mument fl-istorja meta l-President Richard Nixon ipprova juża s-saħħa tal-liġi biex isikett lil The New York Times milli tagħmel dawn ir-revelazzjonijiet li kienu qegħdin joħolqu klima taħraq fil-politika u prova saħansitra jhedded lil The Washington Post bl-eżistenza tagħha hekk kif din il-gazzetta kienet finanzjarjament ferm inqas stabbli mir-rival tagħha f’New York.

Bla dubju ta’ xejn dak li naraw fil-film The Post mhux diffiċli nimmaġinawh. F’Malta wkoll għandna sitwazzjoni fejn il-media indipendenti tinstab taħt assedju; anzi taħt diversi assedji. Hemm minn naħa l-assedju legali fejn dawk li jressqu l-kritika qegħdin jiffaċjaw is-sogru ta’ kawżi ta’ libell bi spejjeż ta’ miljuni kbar ta’ Ewro; kawżi li ċertament ikunu jfissru l-mewt finanzarju tal-pubblikazzjoni in kwistjoni. L-assedji tat-thedid u l-insulti; bħalma per eżempju ġie żvelat jumejn ilu fil-portal Newsbook fejn żvela konverzazzjonijiet speċifiċi sabiex jiġu koordinati attakki fuq il-knisja u l-media tagħha għaliex din l-istess media mhijiex lesta tiġbed il-ħabel Laburista. Assedju saħansitra anke minn uħud li jridu jsejħu lilhom nfushom ġurnalisti u jipprovaw jilgħabuha tal-ġurnalisti imma fir-realta’ m’huma xejn għajr propogandisti li jpoġġu l-ewwel u qabel kollox l-interess partiġġjan.

Fl-Istati Uniti l-film The Post jurina li t-thedid tal-President Nixon ġie mgħelub biss grazzi għal kuraġġ u determinazzjoni li ntwera minn The New York Times u The Washington Post u dawk il-gazzetti li ħarġu għonqhom b’appoġġġ. Determinazzjoni u kurraġġ li wasslu sabiex il-liberta’ ta’ l-espressjoni ġiet protetta saħansitra anke legalment b’deċiżjoni tal-Qorti Suprema Amerikana.

F’Malta l-battalja mhijiex mirbuħa. L-anqas hija mitlufa. Hija battalja ħajja u kif ser tintemm huwa f’idejn kull wieħed u waħda minnha. Li nħarsu l-liberta’ ta’ l-istampa; mhux biss fuq il-karta tal-liġi imma fir-realta’ għandha tkun missjoni mhux tan-Nazzjonalisti jew Laburisti imma ta’ kull Malti ta’ rieda tajba li jemmen fil-liberta’ u li jemmen li kullħadd għandu d-dritt jsemma’ leħnu.

Ħadd ma’ jista’ jargumenta li l-media hija perfetta. Il-film The Post jagħmel dan il-punt ukoll u juri kif per eżempju The Washington Post kellha favoritiżmu ċar lejn id-Demokratiċi partikolarment fi żmien Kennedy. Madankollu b’dawn id-diffetti b’kollox id-demokrazija hija ferm aktar vibranti u b’saħħitha bil-presenza tal-media indipendenti milli qatt tista’ tkun f’ċirkostanza fejn il-gvern tal-ġurnata jkollu s-saħħa li jsikket.

Fil-Belt bħalissa hemm mafkar għal Daphne Caruana Galizia. Hemm min jemmen li għandna nagħmlu mafkar aktar permanenti għal din il-ġurnalista. Idea li bla dubju ta’ xejn naqbel magħha b’mod assolut. Jeħtieġ iżda li l-aqwa mafkar għal Daphne Caruana Galizia ma’ jkunx dak ta’ l-irħam u l-bronz li qed jiġi propost u li nemmen li għandu jsir. Jeħtieġ li l-aqwa mafkar għal Daphne Caruana Galizia huwa li nkomplu l-battalja sabiex f’pajjiżna tirrenja d-demokrazija u l-liberta’ anke jekk l-istess demokrazija u liberta’ bħal donnu ma’ tinżilx daqstant għasel mal-Partit Laburista li spiss kasbar id-demokrazija u sfortunatament jidher li ser ikompli jkasbar id-demokrazija.  

No comments:

Post a Comment