Malta bħalissa tinstab taħt lenti negattiva ħafna fuq livell
internazzjonali. L-isem ta’ Malta flok qiegħed jiġi sinonimu ma’ ċentru ta’
eċċellenza fis-servizzi finanzarji qiegħed jsir sinonimu ma’ korruzzjoni
istituzzjonalizata u kultura kbira ta’ xejn m’hu xejn. Dan it-timbru negattiv
m’huwa xejn għajr xkiel dirett għat-tkabbir tas-settur tas-Servizzi Finanzjarji
u thedida diretta għal ekonomija Maltija.
Jekk hemm settur fejn ir-reputazzjoni hija vitali
dan bla dubju ta’ xejn huwa dak tas-Servizzi Finanzjarji. Ikun kollu ta’ xejn
jekk għandna istituzzjonijiet li jaħdmu b’mod effiċenti, jekk għandna qafas
legali mill-aqwa, jekk għandna l-skilled
workforce u l-infrastruttura meħtieġa jekk imbgħad ir-reputazzjoni tagħna
tkun waħda dubjuża. Investitur meta jagħżel fejn ser jinvesti flusu spiss ser
jara li jkollu moħħu mistrieħ għal kollox li m’hemm ebda ombra ta’ dubju fuq
fejn investa flusu. Investitur serju ma’ jkunx irid li b’xi mod jiċċappas u
jibda jidher bħala investitur mhux serju u għalhekk jitlef il-kredibilita’
fis-settur.
Bla dubju ta’ xejn jekk is-settur tas-Servizzi
Finanzjarji f’pajjiżna jmur lura l-effetti jkunu koroh ħafna. Din mhux
kwistjoni ta’ Nazzjonalisti u Laburisti; din mhux kwistjoni ta’ politika
partiġġjana. Din hija kwistjoni ta’ interess nazzjonali fejn huma l-ħafna dawk
li jintlaqtlu jekk ma’ jittieħdux il-passi meħtieġa sabiex nħarsu isem
pajjiżna. Forsi wħud jaslu jgħidu, imma bis-Servizzi Finanzjarji mhux l-avukati
u l-accountants biss jaqilgħu
x’jieklu? Mhux sempliċiment imorru jaħdmu l-qorti jew il-bank minflok?
Filwaqt li huwa vera li s-Servizzi Finanzjarji
jipprovdu impjieg għal ħafna avukati u accountants,
l-firxa hija ferm aktar wiesgħa. Kemm hawn f’pajjiżna nies fis-settur tal-IT li jipprovdu servizz ta’ manteniment
tal-computers lil kumpaniji
fis-Servizzi Finanzjarji? Kemm hawn f’pajjiżna nies li jipprodu servizz ta’
tindif jew handymen f’uffiċini ta’
kumpaniji fis-Servizzi Finanzjarji? Kemm hawn f’pajjiżna ristoranti jew
kafeteriji li bħala sors ta’ klijenti għandhom business meetings, formali jew informali, li jsiru minn kumpaniji
fis-Servizzi Finanzjarji? Kemm hawn f’pajjiżna kumpaniji li jbigħu prodotto ta’
stationary lill-uffiċini tas-Servizzi
Finanzjarji? Il-katina hija waħda wiesgħa ħafna u tmur ferm lill’hinn minn
sempliċi avukati u accountants.
Is-settur tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna hu
dak li hu grazzi għal ħidma ta’ ħafna. Snin twal ta’ xogħol iebes sabiex
pajjiżna bena dan is-settur li maż-żmien hija dejjem juru potenzjal ta’ tkabbir
u jipprovdi niċċeċ ekonomiċi ġodda. Tkun tassew ħasra jekk dik il-ħidma kollha
tintilef għaliex pajjiżna jagħżel li ma’ jieħux il-passi meħtieġa. Tkun tassew
ħasra jekk nippermettu r-rivali internazzjonali tagħna jimmanuvraw b’mod li
jkissru is-settur Malti, għal gwadan ta’ pajjiżhom, liema sitwazzjoni tkun biss
possibli għaliex bħala pajjiż nkunu nqasna milli nieħdu d-deċiżjonijiet
meħtieġa.
L-għadu tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna
mhuwiex il-Partit Nazzjonalista. L-anqas huwa min qiegħed bir-raġun iqajjem
id-dubji fejn hemm lok ġustifikat ta’ dubji. L-anqas huwa r-rival
internazzjonali li wieħed jifhem li jrid iħares l-interess tiegħu. L-għadu
tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna hija l-kultura ta’ xejn m’hu xejn;
il-kultura fejn bħal donnu l-liġi mhijiex l-istess għal kullħadd. Il-ħarsien
tas-Servizzi Finanzjarji jista’ jkun assigurat biss mhux billi nsiktu
l-oppożizzjoni imma billi min għandu l-poter jieħu d-deċiżjonijiet jeħodhom.
No comments:
Post a Comment