Nhar it-Tlieta li għaddha l-Viċi Kap tal-Partit
Nazzjonalista għal Affarijiet tal-Parlament David Agius, f’isem il-Partit
Nazzjonalista ressaq talba lir-regolatur għas-sevizzi tad-dawl u ilma (REWS)
sabiex dan, skond il-poteri mgħotija lilu mill-liġi, jinvestiga l-proċess li
bih l-Arms qegħda toħroġ il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista qiegħed bħal
donnu jilgħab xi logħba noli hekk kif filwaqt li fl-ebda ħin ma’ qiegħed jiċħad
dak li qiegħed jgħid il-Partit Nazzjonalista, l-media Laburista qegħda tipprova
tiżgwida lis-semmiegħa u telespettaturi tagħha.
Il-media Laburista qegħda tipprova tgħaqqad din
il-kwistjoni ma’ xi kwistjoni dwar il-prezz ta’ kull unit ta’ dawl u ilma
konsmati. Il-media Laburista qegħda tagħmel dan f’attentat ċar li tiżgwida lil
pubbliku. Il-kwistjoni m’hijiex dwar il-prezz ta’ kull unit ta’ dawl u ilma.
Dik hija diskussjoni separata u li fl-aħħar mill-aħħar m’għandha x’taqsam xejn
mal-kwistjoni preżenti.
Il-kwistjoni preżenti hija dwar il-mod kif l-Arms
qegħda taħdem il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fl-ewwel skeda fil-liġi
sussidjarja 545.01 hemm miktub bl-aktar mod ċar li fejn jidħol il-kalkolu dwar
il-konsum f’post residenzjali,
Bla ħsara
għad-dispożizzjonijiet
l-oħra ta’ dawn
ir- regolamenti, Servizz għal Post Residenzjali ikun suġġett
għat-Tariffa tal-Konsum li ġejja li hija bbażata fuq konsum kumulattiv annwali
u li tista’ tiġi komputata fuq bażi pro rata:
i)Għal kull
kWh ta’ l-ewwel 2,000 kWh ....................€0.1047; u
ii)Għal
kull kWh fuq 4,000 kWh ta’ wara ...................€0.1298; u
iii)Għal
kull kWh fuq 4,000 kWh ta’ wara ...................€0.1607; u
iv)Għal
kull kWh fuq 10,000 kWh ta’ wara .................€0.3420; u
v)Għal kull
kWh mill-bqija tal-konsum ......................€0.6076.
L-ewwel u qabel kollox wieħed irid jibda billi
jifhem li, forsi għal kontra ta’ kif ħafna jaħsbu, l-konsum tad-dawl mhux
kalkulkat bi prezz fiss għal kull unit konsumata. Aktar ma’ wieħed jikkonsma
aktar jgħola l-prezz ta’ kull unit, f’miżura ċara ntiża biex tinkoraġixxi
l-għaqal u n-nuqqas ta’ ħela. B’hekk jekk per eżempju wieħed juża 1800 kWh dan
iħallas €0.1047 għal kull kWH imma jekk wieħed juża 2500 dan ser iħallas
€0.1047 għal kull kWh sa 2,000 kWh u €0.1298 fuq il-500 kWh l-oħra li jkun ikonsma.
Meta wieħed jieħu dan il-kalkolu fuq bażi annwali, malajr wieħed jifhem
għalhekk li x-xhur fejn wieħed juża ftit elettriku, bħal per eżempju Marzu u
April, jgħinu u jpattu għax-xhur fejn wieħed juża ħafna elettriku bħal Diċembru
u Awwissu. B’jgħinu hawn qed nifhmu li jgħinu sabiex residenza kemm jista’ jkun
ma’ tikkonsmax dawl bir-rata aktar għolja kif kwotat hawn fuq mill-liġi.
Li jidher li qiegħed isir fil-preżent huwa l-Arms
qegħda taqsam dawn ir-rati fuq kull xahar, b’tali mod iżda li jekk wieħed ma
jikkonsmax dawk il-units bir-rati l-irħas, dawn jintilfu u fix-xahar ta’ wara
xorta jħallas r-rata l-għolja.
Mela, ejja nieħdu eżempju sempliċi ħafna. Jekk
naqbdu 2,000 kWh u naqsmuh ugwalment bejn tnax il-xahar; jiġi 166.67kWh. Issa
jekk per eżempju f’Marzu wieħed ikun uża 150kWh, jiġifieri jkun fadallu
16.67kWh bir-rata l-irħisa mhux użati, dawn is-16.67kWh ma jmorrux għax-xhur
ta’ wara imma jispiċċaw jintilfu biex b’hekk jekk mbgħad fix-xahar ta’ wara,
April, l-istess konsumatur ikun uża 183.34kWh, jiġifieri 16.67kWh aktar minn
l-2,000 kWh mqassma tul tnax il-xahar, minflok mas-16.67kWh mhux użati f’Marzu
jagħmlu tajjeb għas-16.67kWh użati over
and above f’April, dawn is-16.67kWh jispiċċaw jitħallsu bir-rata aktar
għolja.
Il-liġi tgħid b’mod ċar li “bbażata fuq konsum
kumulattiv annwali u li tista’ tiġi komputata fuq bażi pro rata”. Dan ifisser li filwaqt li kont jista’
jinħareġ bi frekwenza li tagħżel l-Arms għaliex il-liġi tgħid li jista’ jiġi
komputat fuq bażi pro rata tali
konsum irrid jittieħed fuq bażi kumulattiva annwali, jiġifieri fuq bażi ta’
sena sħiħa u ma’ jistax jiġi diviż bix-xhur b’xahar ma jkollu ebda rabta
max-xahar ta’ warajh, meta wieħed qed jitkellem fi ħdan l-istess sena.
L-appell hawnhekk huwa wieħed ċar; il-gvern jeħtieġ
li jaġixxi llum qabel għada sabiex dan l-abbuż sfaċċat jieqaf.