Thursday, May 10, 2018

Id-diskors tiegħi fil-Kunsill Ġenerali tal-PN fid-9 ta' Mejju 2018


Il-bieraħ kelli l-unur nindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Din kienet l-ewwel darba li ndirizzajt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista minn meta ġie elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Qiegħed nagħżel li għal din il-ġimgħa nwassal dan id-diskors bħala l-artiklu li nikkontribwixxi ta’ kull ġimgħa fil-ġurnal In-Nazzjon għaliex il-messaġ tad-diskors huwa wieħed ferm għal qalbi.

Id-diskors

President, Kap, Viċi Kapijiet, Segretarju Ġenerali, Ħbieb,

Xi tfisser tkun temmen fil-valuri tal-Partit Nazzjonalista? X’inhu l-valur li għandu jgħaqqad kull persuna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista? Li l-interess nazzjonali jiġi dejjem l-ewwel u qabel kollox; li l-imħabba lejn pajjiżna u lejn il-poplu timmotivana sabiex dak li nagħmlu nagħmluh għaliex ikun fl-aħjar interess nazzjonali.

U x’inhu dan l-aħjar interess nazzjonali? Pajjiżna x’għandu bżonn mill-Partit Nazzjonalista? Pajjiżna llum għandu bżonn ta’ gvern nadif, gvern trasparenti, gvern li tassew jemmen fil-meritokrazija, gvern li jiġġieled il-korruzzjoni u mhux jistituzzjonalizza l-koruzzjoni. Pajjiżna għandu bżonn gvern li huwa kapaċi jgħin sabiex tikber l-ekonomija, jiżdied l-investiment u jagħmel il-ħajja faċli għall-imprenditur mingħajr ma’ jinsa l-valuri soċjali u ambjentali u mingħajr ma’ jitfa’ f’rokna mwarrba lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’.

Pajjiżna għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu, oppożizzjoni relevanti, dinamika; gvern alternattiv! U l-Partit Nazzjonalista kif jista’ jkun b’saħħtu?

Jista’ jkun b’saħħtu biss jekk ikun maqgħud wara valur wieħed; il-valur li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox. Dan ma’ jfissirx li bejnietna ma’ jkollniex sfumaturi differenti; ma’ jfissirx li rridu kollha b’mod robotiku ngħidu l-istess ħaġa l-ħin kollu. Ifisser iżda li jeħtieġ li fil-konfront ta’ gvern li qiegħed inaqqar l-interess nazzjonali nkunu maqgħuda u sodi. Jeħtieġ li lkoll flimkien naħdmu spalla ma’ spalla. Jeħtieġ li ma’ nħallux kwistjonijiet trivjali jew personali jifirduna u b’xi mod ifixkluna milli naħdmu mingħajr heda għal interess nazzjonali.

L-interess nazzjonali jitlob mhux li jkollna Partit Nazzjonalista sieket jew dgħajjef; imma Partit Nazzjonalista b’saħħtu, dinamiku, li mhux biss ma’ jibżax mill-bidla imma jkun hu stess l-istrument tal-bidla. L-interess nazzjonali jitlob li kull wieħed u waħda minnha hawn ġew jgħati l-isforz ġenwin tiegħu sabiex pajjiżna jkollu gvern Nazzjonalista b’Adrian Delia bħala Prim Ministru.

Jekk nħarsu lejn l-istorja tal-Partit Nazzjonalista s-saħħa tagħna dejjem ġiet mill-fatt li fi ħdan dan il-partit kellek politiċi li għarfu jsibu l-bilanċ bejn l-importanza tar-rispett lejn id-diversita’ tal-fehmiet u l-importanza li dan il-partit jibqa’ partit demokratiku u dinamiku iżda fl-istess ħin għarfu l-importanza ta’ l-għaqda u li fl-interess nazzjonali jinġibed ħabel wieħed.

Jekk minn naħa l-oħra nonqsu milli nagħmlu dan; allura dak li qiegħed u ser ikompli jiġri lil pajjiżna jkun parzjalment ħtija tagħna wkoll. Jekk nippermettu sitwazzjoni fejn il-Partit Laburista jibqa’ għaddej romblu min fuq kollox u kullħadd u nagħmluha faċli għal Partit Laburista sabiex jagħmel dan allura t-tort ikun tagħna wkoll.

Fil-film magħruf V for Vendetta jingħad li “People shouldn't be afraid of their government. Governments should be afraid of their people”. Ejja naraw li pajjiżna jirritorna lura għal din in-normalita’ demokratika.

Ejja nsaħħu l-Partit Nazzjonalista, ejja nwettqu l-bidliet li hemm bżonn, ejja nagħmlu dan il-partit wieħed aktar dinamiku, enerġetiku, żgħażugħ u relevanti. Ejja fuq kollox naħdmu lkoll flimkien, id f’id, partit wieħed b’għan wieħed, l-imħabba lejn din l-art ħelwa, l-omm li tgħatna isimha!  

No comments:

Post a Comment