Thursday, May 31, 2018

Bejn kalkolu u skalkolu


Nhar it-Tlieta li għaddha l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għal Affarijiet tal-Parlament David Agius, f’isem il-Partit Nazzjonalista ressaq talba lir-regolatur għas-sevizzi tad-dawl u ilma (REWS) sabiex dan, skond il-poteri mgħotija lilu mill-liġi, jinvestiga l-proċess li bih l-Arms qegħda toħroġ il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista qiegħed bħal donnu jilgħab xi logħba noli hekk kif filwaqt li fl-ebda ħin ma’ qiegħed jiċħad dak li qiegħed jgħid il-Partit Nazzjonalista, l-media Laburista qegħda tipprova tiżgwida lis-semmiegħa u telespettaturi tagħha.

Il-media Laburista qegħda tipprova tgħaqqad din il-kwistjoni ma’ xi kwistjoni dwar il-prezz ta’ kull unit ta’ dawl u ilma konsmati. Il-media Laburista qegħda tagħmel dan f’attentat ċar li tiżgwida lil pubbliku. Il-kwistjoni m’hijiex dwar il-prezz ta’ kull unit ta’ dawl u ilma. Dik hija diskussjoni separata u li fl-aħħar mill-aħħar m’għandha x’taqsam xejn mal-kwistjoni preżenti.

Il-kwistjoni preżenti hija dwar il-mod kif l-Arms qegħda taħdem il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fl-ewwel skeda fil-liġi sussidjarja 545.01 hemm miktub bl-aktar mod ċar li fejn jidħol il-kalkolu dwar il-konsum f’post residenzjali,

Bla  ħsara  għad-dispożizzjonijiet  l-oħra  ta’  dawn  ir-  regolamenti,  Servizz għal Post Residenzjali ikun suġġett għat-Tariffa tal-Konsum li ġejja li hija bbażata fuq konsum kumulattiv annwali u li tista’ tiġi komputata fuq bażi pro rata:

i)Għal kull kWh ta’ l-ewwel 2,000 kWh ....................€0.1047; u
ii)Għal kull kWh fuq 4,000 kWh ta’ wara ...................€0.1298; u
iii)Għal kull kWh fuq 4,000 kWh ta’ wara ...................€0.1607; u
iv)Għal kull kWh fuq 10,000 kWh ta’ wara .................€0.3420; u
v)Għal kull kWh mill-bqija tal-konsum ......................€0.6076.

L-ewwel u qabel kollox wieħed irid jibda billi jifhem li, forsi għal kontra ta’ kif ħafna jaħsbu, l-konsum tad-dawl mhux kalkulkat bi prezz fiss għal kull unit konsumata. Aktar ma’ wieħed jikkonsma aktar jgħola l-prezz ta’ kull unit, f’miżura ċara ntiża biex tinkoraġixxi l-għaqal u n-nuqqas ta’ ħela. B’hekk jekk per eżempju wieħed juża 1800 kWh dan iħallas €0.1047 għal kull kWH imma jekk wieħed juża 2500 dan ser iħallas €0.1047 għal kull kWh sa 2,000 kWh u €0.1298 fuq il-500 kWh l-oħra li jkun ikonsma. Meta wieħed jieħu dan il-kalkolu fuq bażi annwali, malajr wieħed jifhem għalhekk li x-xhur fejn wieħed juża ftit elettriku, bħal per eżempju Marzu u April, jgħinu u jpattu għax-xhur fejn wieħed juża ħafna elettriku bħal Diċembru u Awwissu. B’jgħinu hawn qed nifhmu li jgħinu sabiex residenza kemm jista’ jkun ma’ tikkonsmax dawl bir-rata aktar għolja kif kwotat hawn fuq mill-liġi.

Li jidher li qiegħed isir fil-preżent huwa l-Arms qegħda taqsam dawn ir-rati fuq kull xahar, b’tali mod iżda li jekk wieħed ma jikkonsmax dawk il-units bir-rati l-irħas, dawn jintilfu u fix-xahar ta’ wara xorta jħallas r-rata l-għolja.

Mela, ejja nieħdu eżempju sempliċi ħafna. Jekk naqbdu 2,000 kWh u naqsmuh ugwalment bejn tnax il-xahar; jiġi 166.67kWh. Issa jekk per eżempju f’Marzu wieħed ikun uża 150kWh, jiġifieri jkun fadallu 16.67kWh bir-rata l-irħisa mhux użati, dawn is-16.67kWh ma jmorrux għax-xhur ta’ wara imma jispiċċaw jintilfu biex b’hekk jekk mbgħad fix-xahar ta’ wara, April, l-istess konsumatur ikun uża 183.34kWh, jiġifieri 16.67kWh aktar minn l-2,000 kWh mqassma tul tnax il-xahar, minflok mas-16.67kWh mhux użati f’Marzu jagħmlu tajjeb għas-16.67kWh użati over and above f’April, dawn is-16.67kWh jispiċċaw jitħallsu bir-rata aktar għolja. 

Il-liġi tgħid b’mod ċar li “bbażata fuq konsum kumulattiv annwali u li tista’ tiġi komputata fuq bażi pro rata”. Dan ifisser li filwaqt li kont jista’ jinħareġ bi frekwenza li tagħżel l-Arms għaliex il-liġi tgħid li jista’ jiġi komputat fuq bażi pro rata tali konsum irrid jittieħed fuq bażi kumulattiva annwali, jiġifieri fuq bażi ta’ sena sħiħa u ma’ jistax jiġi diviż bix-xhur b’xahar ma jkollu ebda rabta max-xahar ta’ warajh, meta wieħed qed jitkellem fi ħdan l-istess sena.

L-appell hawnhekk huwa wieħed ċar; il-gvern jeħtieġ li jaġixxi llum qabel għada sabiex dan l-abbuż sfaċċat jieqaf.

No comments:

Post a Comment