Thursday, May 16, 2019

L-Isfida tal-25 ta' Mejju


Fadal ftit aktar minn ġimgħa qabel bħala poplu ninstabu msejjħa sabiex nagħmlu żewġ għażliet. Kull wieħed u waħda minnha jinstab msejjaħ sabiex fuq livell nazzjonali jagħżel sitt membri ġodda tal-Parlament Ewropew u fuq livell lokali jagħżel il-membri l-ġodda tal-Kunsill Lokali rispettiv.

Politika negattiva?

Matul din il-kampanja spikkat il-politika pożittiva tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa l-partit politiku li mill-bankijiet ta’ l-oppożizzjoni qiegħed iressaq proposti kemm bħala ħidma fuq livell Ewropew kif ukoll bħala ħidma fuq livell lokali. Partit politiku b’manifest elettorali li b’ħidma u impenn iwassal sabiex il-Partit Nazzjonalista jagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ kuljum.

Li partit fl-oppożizzjoni jfittex li jagħmel differenza minflok ma’ sempliċiment ikun kritiku tal-gvern tal-ġurnata hija l-aqwa turija ta’ oppożizzjoni li tassew trid tibni politika tan-nies, politika li tagħmel differenza, politika pożittiva u propożittiva.

L-attakki ma’ jieqfux

Minn naħa l-oħra l-kampanja tal-Partit Laburista hija karaterizzata minn sensiela ta’ attakki negattivi fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Kampanja li fil-qalba tagħha hemm biss il-mira li jiġi oskurat il-Partit Nazzjonalista u l-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u ftit li xejn hemm il-mira li ssir xi differenza.

Naturalment wieħed irid hawn jifhem li dawn l-elezzjonijiet huma elezzjonijiet li storikament li kien għal Partit Laburista ma’ kienux qegħdin isiru. Dan għaliex il-Partit Laburista kien il-Partit li oppona sia is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea kif ukoll it-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna.

Forsi dan ix-xettiċiżmu storiku iwassal sabiex il-Partit Laburista qajla jemmen li jista’ jagħmel differenza fuq livell Ewropew u fuq livell lokali jekk minflok ma’ juża l-enerġija u r-riżorsi tiegħu f’attakki politiċi jużahom fi proposti.

Il-messaġġ tagħna

Il-messaġġ tagħna bħala poplu jeħtieġ li jkun ċar. Messaġġ favur politika nadifa, politika onesta’, politika li temmen fil-ġustizzja, politika li tfittex li tagħmel differenza għal ħafna minflok differenza biss għal ftit. Politika mibnija fuq valuri sodi li tirispetta l-valur tal-ħajja, politika mibnija fuq il-premessa li l-iżilvupp ekonomiku u l-ħarsien ambjentali mhumiex għeddewa ta’ xulxin imma jistgħu jaħdmu id f’id jekk wieħed jagħraf iżomm bilanċ. Politika li hija interessata fil-kisba tar-riżultati għal poplu u mhux biss interessata fil-kisba ta’ rekords elettorali.

Dan il-messaġġ hemm biss mod wieħed kif ngħadduh b’mod ċar; vot lil kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. Fuq il-lista hemm naturalment kandidati minn partiti politiċi oħra apparti dawk tal-Partit Laburista u Partit Nazzjonalista. Jeħtieġ li l-messaġġ tagħna ikun wieħed unit u b’saħħtu. Jekk il-messaġġ tagħna jinfirex inkunu qegħdin nagħmluha faċli sabiex il-messaġġ jidgħajjef.

10 kandidati ta’ ħila u kapaċita’

Il-Partit Nazzjonalista għandu fuq il-lista tiegħu għal Parlament Ewropew għaxar kandidati ta’ kapaċita’ u ħila. Kollha kandidati b’valuri sodi, kollha kandidati li lesti jxammru l-kmiem u jaħdmu. Kollha kandidati li ħaqqhom l-appoġġ tagħna għaliex kollha kandidati li ser jaħdmu fl-ispirtu pożittiv tal-Partit Nazzjonalista.

Team Balzan

Fil-każ tiegħi, fuq livell lokali għandi interess personali f’Ħal Balzan ġa la darba dan il-lokal huwa d-dar tiegħi u huwa wkoll fejn jien kandidat. F’Ħal Balzan kburi li ninstab parti mit-team tal-Partit Nazzjonalista; team magħmul minn sitt kandidati; kull kandidat b’ħafna x’joffri għal ġid ta’ Ħal Balzan u l-Balzanin. Hawn ukoll l-appell huwa għal vot għal kull kandidat tal-Partit Nazzjonalista, mill-wieħed sas-sitta.

No comments:

Post a Comment