Thursday, May 23, 2019

B’ħeġġa u enerġija għal Ħal Balzan



Nhar is-Sibt li ġej għandi l-unur u l-privileġġ li se nkun kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan. Għalkemm din mhix l-ewwel darba li se nkun kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista u għalkemm din mhix l-ewwel esperjenza tiegħi fil-qasam tal-Kunsilli Lokali, din hija l-ewwel darba li se nkun kandidat fil-lokalita’ ta’ Ħal Balzan, il-lokalita’ li għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs kelli l-privileġġ insejħila d-dar tiegħi.

Ħidma b’risq Ħal Balzan

Il-Partit Nazzjonalista għandu programm elettorali ambizzjuż għal Ħal Balzan. Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Balzan se jaħdmu fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-ambjent, l-isfida tat-traffiku u l-parkeġġ fil-lokalita’, l-indafa fil-lokalita’, attivitajiet soċjali, ħidma fuq l-infrasturttura fir-raħal bħal bankini u toroq, ħidma b’risq l-għaqdiet fil-lokalita’, ħidma favur il-preservazzjoni tal-wirt storiku u bosta punti oħra ta’ ħidma.

Naturalment jekk ningħata l-fiduċja mill-poplu Balzani nhar is-Sibt li ġej, kommess li naħdem dwar dawn il-punti kollha b’enerġija sħiħa u b’impenn b’risq Ħal Balzan.

Dawn l-aħħar ħames snin kienu snin li fihom kibret fijja imħabba lejn ir-raħal ta’ Ħal Balzan. Imħabba għal dan il-villaġġ mill-isbaħ, mimli sbuħija storika u b’karattru uniku. Imħabba għal dan il-villaġġ b’poplu li laqgħani u f’qasir żmien ħaddanni bħala resident.

Dan hu villaġġ iżda li jeħtieġ li nibżgħu għas-sbuħija tiegħu u ma nħallux in-nuqqas ta’ ppjannar tal-awtoritajiet jeqred dawk il-karatteristiċi li jagħmlu lil Ħal Balzan il-villaġġ mill-isbaħ li hu. Villaġġ li jeħtieġ li fih ikompli jsir kull sforz favur l-indafa, favur ambjent aħjar, favur aktar green spaces u ħidma ffukkata kontra sfidi kbar li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-Balzanin ta’ kuljum bħall-problema serja ta’ nuqqas ta’ parkeġġ u traffic flow qawwija fejn prattikament iċ-ċentru ta’ Ħal Balzan spiċċa kważi by-pass bejn żewġ by-passes.

Komunikazzjoni

Nemmen li hekk kif mal-mgħoddija taż-żmien saru żviluppi u bidliet fil-mezzi tal-komunikazzjoni, l-Kunsilli Lokali jeħtieġ li jagħmlu l-aqwa użu possibli tal-mezzi kollha disponibbli. Jeħtieġ li l-Kunsilli Lokali jkunu konxji tal-bżonn speċifiku li bejn il-Kunsill Lokali u r-resident ikun hemm sens ta’ komunikazzjoni miftuħa u bibien miftuħa. Determinat li l-ħidma tiegħi f’Ħal Balzan tkun waħda li dan il-punt tindirizzah ukoll. Ħidma li tkompli tibni fuq it-tajjeb li sar filwaqt li tkompli jsaħħaħ għaliex fid-dinja tajjeb li nkunu ambizzjużi u nfittxu li ntejbu u nsaħħu.

Pressjoni fejn meħtieġ

Tul l-aħħar snin il-gvern Laburista naqqar diversi poteri minn idejn il-Kunsilli Lokali. Kienu snin fejn il-gvern Laburista f’bosta okkażjonijiet għażel li jgħaddi romblu minn fuq il-Kunsilli Lokali jew jibda ħidma mingħajr ebda forma ta’ konsultazzjoni u dan b’detriment għar-residenti.

Determinat li parti mill-ħidma tiegħi, jekk ningħata l-fiduċja tal-ħbieb tiegħi l-Balzanin, tkun waħda ffukkata fuq il-ħtieġa li nżommu lill-Gvern to account, nagħmlu pressjoni fejn meħtieġ u naraw li l-affarijiet isiru b’mod għaqli u mhux b’mod li sempliċiment jiskomoda bil-kbir lir-resident. Din hija ħidma li m’għandi ebda dubju se tkun ta’ prijorita’ għat-team kollu tal-Partit Nazzjonalista. Mhux b’sens ta’ politika partiġġjana, mhux b’sens ta’ piki imma b’impenn sabiex niksbu għal Ħal Balzan dak li hu bi dritt ta’ Ħal Balzan.

Nhar is-Sibt li ġej

Nhar is-Sibt li ġej kull wieħed u waħda minna huwa msejjaħ sabiex jagħżel ħames kunsilliera għal Ħal Balzan. Wara li tul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs dan ir-raħal laqgħani b’dirgħajn miftuħa sabiex illum il-ġurnata nħossni Balzani, huwa għalija dmir, dover u unur li naħdem bla waqfien għal dan ir-raħal u r-residenti tiegħu. Ħerqan għalhekk sabiex, jekk ningħata l-fiduċja tal-poplu Balzani, nibda minnufih bil-ħidma mingħajr heda għal Ħal Balzan.  

Grazzi Balzan FC

Nagħlaq bi messaġġ ta’ grazzi lil Balzan FC. Ir-rebħa ferm meritata kontra t-team Belti fil-finali tal-FA Trophy kienet okkażjoni storika għall-Balzanin kollha, okkażjoni li ġabitna flimkien bħala komunita’.

   

No comments:

Post a Comment