Matul din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista nieda l-programm elettorali għal elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li ser isiru fil-25 ta’ Mejju. Il-Partit Nazzjonalista li dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali u dejjem ra li jgħati valur lill-Kunsilli Lokali nieda programm elettorali separat għal kull lokalita’ f’Malta u Għawdex; irrispettivament min jekk f’tali lokalita’ l-Partit Nazzjonalista għandux maġġoranza jew minoranza.
Bħala kandidat fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan bla dubju ta’ xejn huwa ta’ interess partikolari għalija l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għal Ħal Balzan. Programm elettorali ambizzjuż mfassal fuq il-feedback tar-residenti Balzanin, li jkompli jibni fuq l-ħidma li saret minn Kunsilli Lokali preċidenti u programm li bl-aktar mod ċar għandu apprezzament ta’ l-isfidi li għandu Ħal Balzan u l-importanza li nħarsu dan ir-raħal ġawhra fiċ-ċentru ta’ Malta.
Infrastruttura
Il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li f’Ħal Balzan ser issir ħidma fuq il-bankini; kemm fis-sens ta’ tiswija ta’ bankini eżistenti kif ukoll permezz ta’ bini ta’ bankini ġodda. Il-PN jemmen li r-residenti Balzanin jixraqilhom bankini ta’ kwalita’ li jagħmlu l-ħajja faċli għal min għandu limitazzjonijiet fil-mobilita’. L-istess programm elettorali jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ pressjoni fuq il-gvern ċentrali sabiex tkompli l-ħidma fuq bosta toroq f’Ħal Balzan liema toroq irridu niżguraw li jsiru b’mod effiċenti u fi żmien raġjonevoli. Jitkellem ukoll dwar kif it-toroq ta’ Ħal Balzan jeħtieġ li jkunu mdawla b’mod sew u b’teknoloġija li tħares l-ambjent.
Il-lokalita’ ta’ Ħal Balzan hija sninonima ma’ ġonna u siġar u għalhekk huwa bix-xieraq li l-istess programm jitkellem ukoll dwar il-manutenzjoni ta’ playing fields, ġonna u li ssir ħidma ta’ tisbiħ li tirrispetta l-karatteristiċi li jagħmlu lil Ħal Balzan dak li hu.
Traffiku, Parking u Trasport Pubbliku
Kull min jgħix Ħal Balzan huwa konxju mill-fatt li f’Ħal Balzan hemm influss ta’ traffiku qawwi, problemi kbar ta’ parkeġġ u ħtieġa ta’ żieda ta’ bus stops f’ċertu bnadi tar-raħal. Dawn l-isfidi mhux żgħar huma wkoll indirizzati f’turija ċara li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex ser joqgħod lura milli bl-aktar mod ambizzjuż jaqbad il-barri minn qrunu anke dwar dawn il-kwistjoni tant delikati iżda tant vitali għal Balzanin.
L-Ambjent u l-indafa
Ħal Balzan, lokalita’ sinonima mal-ġonna u l-karatteristiċi ta’ raħal Malti llum hija lokalita’ mgħedda min żvilupp mhux sostennibli. Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien u jibqa’ favur l-iżvilupp basta tali żvilupp isir bi ħsieb u b’sens ta’ sostenibilita’. Għalhekk ser tkompli l-ħidma sabiex il-karatteristiċi li jsawru l-identita’ ta’ Ħal Balzan jiġu priservati.
Naturalment ma’ tonqosx ħidma dwar l-indafa f’Ħal Balzan fosthom permezz ta’ ħidma sabiex is-sistema ta’ knis u l-ġbir ta’ skart titħaddem kif suppost u b’mod effiċjenti.
Kommunikazzjoni u Konsultazzjoni
F’dinja ddominata mill-media soċjali l-ħtieġa ta’ komunikazzjoni b’saħħitha bejn ir-residenti u l-Kunsill Lokali hija ċara. Huwa ċar ukoll li f’dinja ta’ servizzi egovernment jeħtieġ li anke fuq livell lokali ssir ħidma f’dan is-sens. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista f’Ħal Balzan kommess għal tisħiħ tal-kommunikazzjoni u użu mill-aqwa tal-mezzi moderni.
Kultura, sport, l-element kummerċjali u għaqdiet fil-lokalita’
Ikun żball jekk ninsew l-isport, il-kultura, l-element kummerċjali, l-edukazzjoni u l-għaqdiet fil-lokalita’. Dawn ukoll huma punti li l-programm elettorali jindirizza b’ħidma li għandha sservi sabiex nkomplu nibnu fuq dak li diġa sar b’ambizzjoni li nkomplu nżidu l-ħidma u għalhekk ir-riżultati.
Il-ħidma tiegħi
Dan il-programm elettorali huwa wieħed li personalment jimlini bil-kuraġġ, ħeġġa u enerġija sabiex nservi lill-lokalita’ ta’ Ħal Balzan. Huwa programm elettorali li jispirani aktar minn qatt qabel sabiex jekk fil-25 ta’ Mejju ningħata l-fiduċja minn sħabi l-Balzanin naħdem qatiegħ għal Ħal Balzan għaliex Ħal Balzan jixraqlu l-viżjoni u l-ambizzjoni li qiegħed joffri l-Partit Nazzjonalista f’dan il-programm elettorali.
No comments:
Post a Comment