It-Trattat ta’ Liżbona li huwa
qafas legali importanti fil-mod kif topera l-Unjoni Ewropea jinkludi artiklu
numru 7. Dan l-artiklu jipprospetta x-xenarju fejn jekk pajjiż membru ta’
l-Unjoni Ewropea b’xi mod flagranti jikser xi prinċipju fundamentali stabbilit
f’artiklu 2 ta’ l-istess trattat tali stat membru jista’ jara numru ta’ passi
meħuda kontrih fosthom is-sospensjoni tiegħu tad-dritt tal-vot fi ħdan
il-Kunsill. Wieħed mill-prinċipji elenkati f’artiklu 2 huwa dak tas-saltna
tad-dritt jew kif tisejjaħ bl-Ingliż Rule
of Law.
Bażikament il-prinċipju tar-Rule of Law huwa dak li jistabilixxi li
f’pajjiż il-liġi għandha tapplika bl-istess mod għal kullħadd. Huwa dak
il-prinċipju legali li jistabilixxi li l-liġi f’pajjiż għandha tassigura
sitwazzjoni ta’ fair play, ġustizzja
u trasparenza fil-governanza pubblika. Għalhekk tista’ tgħid li huwa prinċipju
li jmur lejn iċ-ċentru nett u l-qafas tad-demokrazija nnifisha.
Hekk kif fl-aħħar xhur Malta
kienet is-suġġett ta’ tħassib serju dwar l-istat tas-saltna tad-dritt
f’pajjiżna, fuq livell internazzjonali ma’ naqsux dawk li b’mod estrem ħafna
itteorizzaw jekk Malta tafx issib ruħha suġġetta għal invokazzjoni ta’ artiklu
7 tat-trattat ta’ Liżbona.
Dan ix-xenarju jqajjem żewġ punti
importanti. L-ewwel u qabel kollox għandu jkun ċar kristall li ebda Malti ma’
għandu jgħati appoġġ għal invokazzjoni ta’ artiklu 7. L-invokazzjoni ta’
artiklu 7 ikollu fuq pajjiżna konsegwenzi mill-aktar negattivi; kemm f’sens
politiku kif ukoll f’sens ekonomiku. Li pajjiżna jispiċċa fi ħdan l-Unjoni
Ewropea bid-dritt tal-vot sospiż ifisser li pajjiżna jkun f’riskju kbir li jsib
ruħu suġġett għal leġiżlazzjoni li tmur kontra l-interess nazzjonali, bħal per
eżempju r-rata ta’ taxxa korporattiva komuni. Hija ħasra li bħal donnu hawn min
irid jgħati l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista qiegħed johrok idejh
għall-invokazzjoni ta’ artiklu 7, jew agħar min hekk qiegħed jaħdem hu stess
sabiex dan iseħħ. Gidba faħxija li ma’ tagħmel xejn ħlief deni lil isem
pajjiżna. Fil-fatt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien ċar dwar
dan u fuq is-sit tal-MaltaToday stqarr
bla tlaqliq, “I am not informed or aware
of such a move, but even if I knew this was a mere possibility, I would
immediately start a campaign to ensure this does not come about,” the PN leader
said. “I cannot make this any clearer: such a move will never have my support,
whoever might push for it”.
It-tieni punt li dan ix-xenarju
jqajjem huwa bla dubju ta’ xejn il-mod kif il-gvern qiegħed jaġixxi. Huwa ċar
li realistikament bħalissa m’hemm ebda ċaqliqa sabiex jiġi invokat artiklu 7
kontra Malta. Madankollu, bħalma jgħidu bl-Ingliż we should not push our luck. Li l-gvern jibqa’ għaddej business as usual minkejja dubji serji
minn ġurnalisti barranin, minn kumitati tal-Parlament Ewropew, minn opinjonisti
lokali u internazzjonali, minn NGO’s lokali u internazzjonali u anke minn
politiċi mhux biss lokali iżda anke internazzjonali li jgawdu stima kbira
bħas-Senatur Repubblikan fl-Istati Uniti John McCain, ma huwa xejn għajr għaġir
li jagħmel dannu lil isem Malta u li ċertament ma’ jgħinx biex ixejjen
il-mistoqsijiet fil-konfront ta’ Malta. Daqstant ieħor dak il-gvern li minkejja
kull argument jew dubju mressaq fil-konfront tal-kariga ta’ Konrad Mizzi u
Keith Schembri jagħżel li jibqa’ għaddej qisu ħadd qatt ma’ qal xejn.
Pajjiżna jeħtieġ li tassew ikun
maqgħud fuq dan il-front. Tali għaqda tinkiseb mhux billi jsir tixwix kontra
l-oppożizzjoni jew l-MEP’s tagħha; mhux billi tintwera arroganza kbira u
nipprovaw nkunu bulldozer imma billi
ningħaqdu lkoll bħala Maltin u naraw li bl-azzjonijiet tagħna nxejnu kull lok
ta’ dubju u ngħatu lil isem pajjiżna lura l-ġieħ li jixraqlu.