Fl-aħħar jiem inkiteb u ntqal ħafna dwar l-hekk msejħa Universita’ Amerikana ta’ Malta (AUM). Ħarġet l-aħbar li din l-hekk msejħa universita’ kienet attirat biss numru limitat ferm ta’ studenti. Ħarġet ukoll l-aħbar li din l-universita’ fl-aħħar jiem kienet ukoll keċċiet xi staff akkademiku minn ħdanha. Bejn aħbar u oħra, ħaġa ħarġet ċara; il-proġett ta’ l-Universita’ Amerikana ta’ Malta għadu l-bogħod milli jkun wieħed b’suċċess ċert u madwaru għad hemm bosta mistoqsijiet.
Din l-istess AUM kienet ingħatat konċessjoni ta’ art f’Baċir Numru Wieħed f’Bormla u fil-Ponta taż-Żonqor. Dwar il-konċessjoni f’Baċir Numru Wieħed f’Bormla forsi d-dibattitu qatt ma’ kien wieħed ferventi għaliex f’din l-art ma’ sar ebda żvilupp insostennibli b’riżultat ta’ din il-konċessjoni. Iżda dwar il-Ponta taż-Żonqor intqal ħafna u għadu jintqal ħafna.
Intqal ħafna għaliex meta nitkellmu dwar il-Ponta taż-Żonqor qegħdin nitkellmu dwar biċċa art verġni; art li s’issa għadha mhijiex żviluppata u li permezz ta’ din il-konċessjoni ser tiġi radikalment mibdula għaliex ser tiġi żviluppata. Din mhux kwistjoni li wieħed ikun kontra l-iżvilupp jew kontra l-bini għaliex hawnhekk qed nitkellmu mhux fuq sempliċi żvilupp jew bini imma bidla radikali ta’ art verġni għal medda kbira ta’ art żviluppata.
Li kieku tali bidla ser iseħħ għal xi interess nazzjonali jew almenu xi interess bi gwadann soċjali u ekonomiku ċar għal pajjiż allura wieħed jista’ forsi jiddibatti u jargumenta favur b’xi mod. Imma f’dan il-każ din il-bidla radikali ser issir għal proġett li s’issa kienet biss fl-aħbarijiet għal raġunijiet ta’ mistoqsijiet u dubji dejjem jikbru.
Kemm huwa għaqli li nitilfu il-Ponta taż-Żonqor darba għal dejjem meta l-istess proġett s’issa għadu l-anqas kiseb il-potenzjal sħiħ li kellu jikseb f’Baċir Numru Wieħed f’Bormla? Kemm huwa għaqli li nitilfu l-Ponta taż-Żonqor għal proġett li bħal donnu ma’ kull jum li jgħaddi qed jiżdiedu d-dubji kemm ser irendi benefiċċji soċjali jew ekonomiċi għal pajjiż?
Din mhijiex u m’għandiex tkun kwistjoni ta’ pika politika. M’għandhiex tkun kwistjoni ta’ min kellu raġun u min ma’ kellux. Din mhijiex battalja kontra l-iżilvupp; anzi għandu jkun ċar li din mhijiex xi battalja kontra l-iżvilupp. Din hija kwistjoni li pajjiżna ser jitlef din l-art verġni mill-isbaħ u bħal donnu m’hemm ebda traċċa ta’ loġika ta’ għaliex pajjiżna ser jitlef din l-art.
Huwa għalhekk li kull min hu ta’ rieda tajba għandu jgħati l-appoġġ tiegħu għal możżjoni mressqa li ssejjaħ sabiex din il-konċessjoni, f’dan l-istadju, tiġi rtirata. Ġa la darba l-Universita’ Amerikana ta’ Malta tikseb suċċess f’Baċir Numru Wieħed f’Bormla allura mbgħad forsi wieħed ikun jista’ jgħaddi sabiex jiddiskuti l-pass li jmiss.
Oprah Winfrey
Din il-ġimgħa segwejt b’interess id-diskors ta’ Oprah Winfrey waqt il-Golden Globes. Diskors li ħafna ddeskrivew bħala s-soft launch ta’ Winfrey għal kampanja Presidenzjali fl-elezzjoni Presidenzjali Amerikana li jmiss. Bħal donnu hemm minn ma’ tgħallem xejn mill-esperjenza Trump. Bħal donnu hemm min jixtieq li l-Partit Demokratiku flok jitgħallem mill-iżball tar-Repubblikani, jagħmel eżatt bħalhom billi jitfa’ lil Winfrey fuq quddiem. Oprah Winfrey hija preżentatriċi ta’ abilta’ kbira; personalita’ tal-media bi storja mill-aktar b’saħħitha; ispirazzjoni għal kif mara għandha tiġġieled sabiex ikollha vuċi. Kollha attribwiti pożittivi u li kullħadd ċertament jammira. Iżda ċertament żgur mhumiex attribwiti li waħedhom għandhom jinkurunaw persuna President ta’ l-Istati Uniti. Trump ukoll għandu storja interessanti kif bena l-imperu kummerċjali tiegħu; ukoll kien personalita fuq il-media iżda kullħadd qiegħed jara b’għajnejh x’qed isarraf il-Presidenza Trump.
No comments:
Post a Comment