“The country cannot afford
to have, as its main opposition, a party abandoned by so many of its voters,
especially when government dealings need to be more meticulously scrutinised
than ever. If the PN continues to lose ground, as shown in the surveys, Labour
could be re-elected with a majority so large it would be able to change the
Constitution unilaterally. Now that’s a chilling thought.”
Hekk kien hemm miktub fl-editorjal ta’ The
Sunday Times of Malta nhar il-Ħadd li għaddha. Editorjal bit-titlu No use for a divided party u li tkellem
dwar il-bżonn li f’pajjiżna jkollna oppożizzjoni soda. Editorjal li ma’nistax
ngħid li qbilt ma’ dak kollu li kellu xi jgħid, anzi, kien hemm numru ta’ punti
ta’ analiżi politika li ma’ qbilt xejn mal-konklużjoni li ġibed l-istess
editorjal.
Minkejja dan iżda, l-editorjal jasal għal konklużżjoni mill-aktar
interessanti u li magħha ċertament diffiċli wieħed ma’ jaqbilx. Il-konklużżjoni
li l-aqwa interess nazzjonali jitlob li f’pajjiżna jkollna oppożizzjoni soda,
b’saħħitha u maqgħuda sabiex din tkun f’posizzjoni li toffri sfida denja lil
gvern. Il-konklużżjoni li jkun ta’ għajb għal Malta jekk dan il-gvern jitħalla
mingħajr ebda forza politika biex taqdi r-rwol mistenni minn oppożizzjoni f’demokrazija
Ewropea.
Aktar min hekk il-konklużżjoni ta’ dan l-editorjal titkellem dwar
il-periklu kbir li jiffaċċja pajjiżna jekk il-Partit Laburista jitpoġġa
f’posizzjoni li jkun b’xi mod possibli għalih li waħdu jibdel il-kostituzzjoni
tal-pajjiż. Din tkun tassew sitwazzjoni, li kif qal sewwa l-editorjal ta’ The Sunday Times, tkun waħda tat-tkexkix
għaliex tkun thedida ċara kristall lejn id-demokrazija u s-saltna tad-dritt
f’pajjiżna.
Wieħed jista’ ma’ jaqbilx mal-bqija tal-kontenut ta’ dan l-editorjal jew
forsi wieħed jista’ jħoss li l-bqija tal-kontenut ta’ dan l-editorjal huwa
pessimist u qiegħed jara biss is-sitwazzjoni minn lenti sewda ħafna. Imma
l-argument li pajjiżna għandu bżonn oppożizzjoni b’saħħitha li toffri skrutinju
qawwi fil-konfront tal-gvern u li bl-ebda mod ma’ jingħata lok li l-Partit
Laburista jkollu s-saħħa jibdel il-kostituzzjoni waħdu huwa bla dubju ta’ xejn
argument b’saħħtu ħafna.
Forsi l-editorjal ma’ tantx jidħol fuq l-element ta’ kif ser nassiguraw li
f’pajjiżna l-gvern Laburista jkun iffaċċjat minn oppożizzjoni li toffri
skrutinju ċar u sitwazzjoni fejn ikun impossibli li l-gvern jibdel
il-kostituzzjoni waħdu. Huwa biss permezz ta’ ħidma maqgħuda, flimkien,
bl-akbar sens ta’ rieda tajba, fi spirtu ta’ l-aqwa interess nazzjonali li
nistaw naċċertaw li f’pajjiżna d-demokrazija tinżamm mhux mittiefsa. Tali ħidma
trid tkun mibnija fuq il-politika tas-sewwa; il-politika fejn l-interess
nazzjonali jiġi qabel kull differenza personali; il-politika fejn li niġġieldu
favur id-demokrazija, l-meritokrazija, l-ġustizzja, l-liberta’ ta’
l-espressjoni u s-saltna tad-dritt titqiegħed fil-quċċata nett tal-miri
politiċi ta’ kull min hu ta’ rieda tajba. Din mhijiex xi battalja ta’ blu
kontra aħmar jew ta’ Ċikku kontra Peppu imma għandha tkun il-missjoni ta’ kull
min jemmen li Malta għandha tassigura li tibqa’ demokrazija vibranti.
The Sunday Times tgħati stampa negattiva meta titkellem
dwar l-aħħar sontaġġi li bla dubju ta’ xejn kienu sfida għal Partit
Nazzjonalista. Nemmen li lill’hinn mis-sontaġġi l-Partit Nazzjonalista jinstab
fit-triq it-tajba. L-enerġija u l-entużjażmu qegħdin jiżdiedu; il-Partit
Nazzjonalista reġa qiegħed isib saqajh wara d-disfatta kiefra ta’ Ġunju 2017.
Ma’ jfissirx li kollox ward u żahar. Ma’ jfissirx li t-triq hija faċli. Anzi,
t-triq hija iebsa ħafna! Nemmen iżda li b’sens ta’ rieda tajba, id f’id
flimkien bħala aħwa Maltin, ser nkunu kapaċi nassiguraw li iċ-chilling thought li titkellem dwarha The Sunday Times tibqa’ biss just a thought u ma ssir qatt the reality of the day.
No comments:
Post a Comment