Thursday, January 4, 2018
Il-Bżonn tal-First Aid
F’mumenti fejn sfortuntament xi ħadd ikun weġġa jew ikun saħansitra fil-periklu tal-mewt spiss tagħmel differenza kbira x’ċirkostanzi tali persuna tkun mdawra bihom. Mod jekk persuna tweġġa f’xi post mwarrab, waħedha u ħadd madwarha, mod jekk persuna tweġġa f’post mimli nies fejn iżda ħadd m’għandu ebda għarfien ta’ first aid u mod ieħor jekk persuna tweġġa f’post mimli nies fejn hemm min għandu l-għarfien tal-first aid.
Sfortuntament m’hemm ebda xenarju ideali jew li wieħed jista’ qatt jixtieq. L-ideali huwa li ħadd ma’ jweġġa jew jispiċċa fil-periklu tal-mewt. Imma ġa la darba m’hemmx mod kif nelliminaw il-possibilita’ kerha li xi ħadd iweġġa jew saħansitra jispiċċa fil-periklu tal-mewt, tajjeb li naħsbu sabiex ta’ l-inqas f’dak ix-xenarju negattiv nipprovaw ikollna dawk iċ-ċirkostanzi fejn ikun hemm l-akbar ċans ta’ eżitu pożittiv.
Ikun żball jekk nassumu li kull darba li ser jinqala xi ħaġa ser ikun hemm tabib jew infermier b’idejh fuq żaqqu, pront u lest sabiex jgħati l-għajnuna meħtieġa. Il-ftit ħin li jgħaddi sakemm fuq il-post jasal tabib jew infermier jista’ jkun kruċjali sabiex jagħmel id-differenza bejn ħajja u mewt. Huwa f’dan l-ispirtu li hemm bżonn li f’pajjina tikber il-kultura tal-first aid.
Il-first aid mhuwiex biss għal min jifhem fil-mediċina jew għal min forsi jħobb l-avventura. Il-first aid huwa għodda utli għal kull wieħed u waħda minnha. Għodda li forsi jistaw jgħaddu s-snin u wieħed qatt ma’ jagħmel użu minnha ħlief waqt il-kors ta’ tgħalim u r-refresher courses sakemm tiġi dik l-okkażjoni waħda fejn tali għarfien ikun għamel id-differenza bejn ħajja u mewt.
F’pajjiżna għandna numru ta’ għaqdiet fosthom ir-Red Cross u s-St. John Ambulance li joffru korsijiet għal pubbliku fejn jidħol il-first aid. Dawn l-għaqdiet u oħrajn bħalhom qegħdin jagħmlu xogħol imprezzabli li forsi mingħajr wisq fanfarri u attenzjoni qiegħed jipprevjeni ħafna traġedji. Jeħtieġ iżda li l-kultura tal-first aid f’pajjiżna tiżdied. Il-first aid m’għandux jibqa’ xi ħaġa li jkollu għarfien tiegħu min ikun għażel li jagħmel il-kors jew min ikun intalab jagħmel il-kors fuq il-post tax-xogħol imma għandu jsir parti integrali mis-sistema edukattiva f’livell primarju jew sekondarju.
Jekk is-sistema edukattiva minnha nfisha tippromwovi b’mod attiv it-tgħalim tal-first aid allura f’pajjiżna titrabba l-kultura li l-għarfien tal-first aid mhuwiex xi kapriċċ għal ftit imma hija a basic life skill li kullħadd għandu jkollu. L-iskola mhijiex hemm biex fiha nitgħallmu biss il-Malti, l-Ingliż u l-Matematika imma qegħda hemm biex ittina d-diversi għodda li għandna bżonn fil-ħajja. Ċertament li l-first aid għandu jsir wieħed minn dawn l-għodda.
Naturalment dan ma’ jfissirx li sfortuntament ser inwaqqfu kull traġedja. Ma’ jfissirx li ser nevitaw dawk l-okkażjonijiet sfortunati fejn ikollna mwiet traġiċi. Iżda jekk permezz ta’ din l-introduzzjoni fis-sistema edukattiva tagħna nkunu salvajna ħajja mela allura nkunu diġa għamilna pass kbir il-quddiem.
Naturalment tali proposta trid tiġi studjata għaliex wieħed irid ikun ċert li hemm it-tgħammir u l-persuni meħtieġa sabiex tali tgħalim isir fuq livell professjonali. Bla dubju ta’ xejn għaqdiet li f’pajjiżna lhom snin jaħdmu f’dan il-qasam għandu jkollhom rwol mill-aktar kruċjali f’dan kollu. L-esperjenza tagħhom hija bla dubju ta’ xejn an asset mhux ta’ min wieħed jitilfu.
Labels
Edukazzjoni,
First Aid,
Nazzjon,
Proposta,
Sahha
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment