Wednesday, January 31, 2018

Malta u t-thedida ta’ Artiklu 7


It-Trattat ta’ Liżbona li huwa qafas legali importanti fil-mod kif topera l-Unjoni Ewropea jinkludi artiklu numru 7. Dan l-artiklu jipprospetta x-xenarju fejn jekk pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea b’xi mod flagranti jikser xi prinċipju fundamentali stabbilit f’artiklu 2 ta’ l-istess trattat tali stat membru jista’ jara numru ta’ passi meħuda kontrih fosthom is-sospensjoni tiegħu tad-dritt tal-vot fi ħdan il-Kunsill. Wieħed mill-prinċipji elenkati f’artiklu 2 huwa dak tas-saltna tad-dritt jew kif tisejjaħ bl-Ingliż Rule of Law.

Bażikament il-prinċipju tar-Rule of Law huwa dak li jistabilixxi li f’pajjiż il-liġi għandha tapplika bl-istess mod għal kullħadd. Huwa dak il-prinċipju legali li jistabilixxi li l-liġi f’pajjiż għandha tassigura sitwazzjoni ta’ fair play, ġustizzja u trasparenza fil-governanza pubblika. Għalhekk tista’ tgħid li huwa prinċipju li jmur lejn iċ-ċentru nett u l-qafas tad-demokrazija nnifisha.

Hekk kif fl-aħħar xhur Malta kienet is-suġġett ta’ tħassib serju dwar l-istat tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, fuq livell internazzjonali ma’ naqsux dawk li b’mod estrem ħafna itteorizzaw jekk Malta tafx issib ruħha suġġetta għal invokazzjoni ta’ artiklu 7 tat-trattat ta’ Liżbona.

Dan ix-xenarju jqajjem żewġ punti importanti. L-ewwel u qabel kollox għandu jkun ċar kristall li ebda Malti ma’ għandu jgħati appoġġ għal invokazzjoni ta’ artiklu 7. L-invokazzjoni ta’ artiklu 7 ikollu fuq pajjiżna konsegwenzi mill-aktar negattivi; kemm f’sens politiku kif ukoll f’sens ekonomiku. Li pajjiżna jispiċċa fi ħdan l-Unjoni Ewropea bid-dritt tal-vot sospiż ifisser li pajjiżna jkun f’riskju kbir li jsib ruħu suġġett għal leġiżlazzjoni li tmur kontra l-interess nazzjonali, bħal per eżempju r-rata ta’ taxxa korporattiva komuni. Hija ħasra li bħal donnu hawn min irid jgħati l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista qiegħed johrok idejh għall-invokazzjoni ta’ artiklu 7, jew agħar min hekk qiegħed jaħdem hu stess sabiex dan iseħħ. Gidba faħxija li ma’ tagħmel xejn ħlief deni lil isem pajjiżna. Fil-fatt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien ċar dwar dan u fuq is-sit tal-MaltaToday stqarr bla tlaqliq, “I am not informed or aware of such a move, but even if I knew this was a mere possibility, I would immediately start a campaign to ensure this does not come about,” the PN leader said. “I cannot make this any clearer: such a move will never have my support, whoever might push for it”.

It-tieni punt li dan ix-xenarju jqajjem huwa bla dubju ta’ xejn il-mod kif il-gvern qiegħed jaġixxi. Huwa ċar li realistikament bħalissa m’hemm ebda ċaqliqa sabiex jiġi invokat artiklu 7 kontra Malta. Madankollu, bħalma jgħidu bl-Ingliż we should not push our luck. Li l-gvern jibqa’ għaddej business as usual minkejja dubji serji minn ġurnalisti barranin, minn kumitati tal-Parlament Ewropew, minn opinjonisti lokali u internazzjonali, minn NGO’s lokali u internazzjonali u anke minn politiċi mhux biss lokali iżda anke internazzjonali li jgawdu stima kbira bħas-Senatur Repubblikan fl-Istati Uniti John McCain, ma huwa xejn għajr għaġir li jagħmel dannu lil isem Malta u li ċertament ma’ jgħinx biex ixejjen il-mistoqsijiet fil-konfront ta’ Malta. Daqstant ieħor dak il-gvern li minkejja kull argument jew dubju mressaq fil-konfront tal-kariga ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri jagħżel li jibqa’ għaddej qisu ħadd qatt ma’ qal xejn.

Pajjiżna jeħtieġ li tassew ikun maqgħud fuq dan il-front. Tali għaqda tinkiseb mhux billi jsir tixwix kontra l-oppożizzjoni jew l-MEP’s tagħha; mhux billi tintwera arroganza kbira u nipprovaw nkunu bulldozer imma billi ningħaqdu lkoll bħala Maltin u naraw li bl-azzjonijiet tagħna nxejnu kull lok ta’ dubju u ngħatu lil isem pajjiżna lura l-ġieħ li jixraqlu.

No comments:

Post a Comment