Riċenti kont qiegħed ndur f’triq ġo Ħal Balzan fejn kont qiegħed nagħmel xi house visits. Laqtitni xena ta’ plot ta’ dar li kien ġiet mwaqqa fl-aħħar jiem. Mid-dar ma’ kien fadal xejn għajr ħofra kbira fl-art li kienet timmarka fejn xi darba kien hemm din id-dar Balzanija. Kien fadal iżda l-ġnien tad-dar li kien għadu intatt; ġnien tradizzjonali ta’ dar tradizzjonali Maltija. Ġnien mimli u miżgħud bis-siġar tal-larinġ; siġra ferm assoċjata mal-lokalita’ ta’ Ħal Balzan u l-madwar. Mid-dehra ta’ l-affarijiet kien bħal donnu ġnien li jinstab mhedded mill-potenzjal tas-saħħa tal-gaffa.
Ix-xena kienet waħda ta’ ħasra mhux biss minħabba dak il-ġnien mill-isbaħ b’mod partikolari imma minħabba li kienet xena sintomatika ta’ dak li qiegħed jiġri madwar Malta u Għawdex. Fil-każ ta’ Ħal Balzan id-dar tradizzjonali Maltija, b’naqra ta’ ġnien u xi siġra taċ-ċitru hija element li ssawwar it-tradizzjoni ta’ dan il-villaġġ mill-isbaħ fiċ-ċentru ta’ Malta. Identita’ li mat-trapass taż-żmien bħal donnu qed tisparixxi għal kollox.
Naturalment wieħed irid ikun realistiku; wieħed m’għandux jaspira jew jistenna li x’mkien ser jinżamm presepju sempliċiment f’ġieħ in-nostalġija. L-iżvilupp u l-progress huma realta’ tal-ħajja u wieħed irid jaċetta li huma neċċessita’ fuq livell nazzjonali u soċjali. Pero’ hemm differenza bejn li wieħed jabraċċa l-progress u l-iżvilupp u li wieħed jibqa’ għaddej bil-gaffa u bil-bulldozer minn fuq l-identita’ li sawwar villaġġi pittoreski bħal Ħal Balzan.
Pajjiżna jeħtieġ li jkollu ċentri kummerċjali; pajjiżna jeħtieġ li jkollu uffiċini moderni b’infrastruttura state of the art; pajjiżna jeħtieġ li jkollu għażla ta’ akkomodazzjoni ta’ daqsijiet differenti li tilqa’ għal firxa wiesgħa ta’ nies li llum tikkostitwixxi l-popolazzjoni ta’ dawn il-gzejjer. Ma’ jfissirx iżda li għandna nagħmlu lil pajjiżna ħaġa waħda minn tarf sa tarf. Ma’ jfissirx li pajjiżna jrid ikun ħaġa waħda, binja waħda, mild-Delimara sal-Mellieħa.
Jeħtieġ li s-sbuħija tal-karatteristiċi uniċi ta’ kull lokal jiġu wkoll priżervati. Dan l-argument ma’ jgħoddx biss għal Ħal Balzan imma għal kważi kull lokalita’. Nagħżel li nitkellem dwar Ħal Balzan għaliex naturalment llum il-ġurnata din il-lokalita’ hija waħda ferm għal qalbi u marbuta’ ma’ l-identita’ tiegħi u allura t-telf tal-karatteristiċi uniċi ta’ din il-lokalita’ jtuni ġewwa b’mod mill-aktar partikolari. Minix ngħid li għandu jkollna xi prespju; il-prespji nħalluhom għal Milied; imma għandu jkun sens ta’ pjannar li jilħaq sens ta’ bilanċ bejn l-iżvilupp li huwa assolutament meħtieġ u l-priżervazzjoni tal-identita’ unika.
L-Għid it-Tajjeb
Fi tmiem din il-ġimgħa niċċelebraw l-Għid u l-Kbir filwaqt li għada f’bosta bliet u rħula Maltin issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Tajjeb li nieħdu l-okkażjoni ta’ dawn iż-żminijiet sabiex lkoll nsibu mument ta’ kwiet u riflessjoni. Forsi li nsibu tali mument tkun l-isbaħ mod kif niċċelebraw dawn il-festi tant għeżież għalina l-Nsara. Nawgura lil kullħadd Għid mill-aqwa mimli ferħ, paċi u mħabba.
No comments:
Post a Comment