Huma bosta dawk il-villaġġi madwar Malta u Għawdex li fihom identita’ partikolari li tkompli tgħati tiżwiqa mill-isbaħ lill-identita’ Maltija. Hemm oħrajn li sfortunatament minħabba nuqqas ta’ pjannar matul iż-żmien spiċċaw sabiex tilfu l-identita’ prattikament għal kollox. Wieħed mill-villaġġi li fih għadna nsibu l-identita’ ħajja huwa l-villaġġ ta’ Ħal Balzan.
Dan ir-raħal żgħir fiċ-ċentru ta’ Malta jifforma parti minn dawk li popolarment jissejħu t-three villages jiġifieri Ħal Balzan, Ħal Lija u Ħ’Attard. L-identita’ ta’ dawn it-tlett villaġġi hija tradizzjonalment dik ta’ raħal tipiku Malti karaterizzat minn binjiet b’dehra tradizzjonalment Maltija, b’atmosfera serena u bl-ilwien li taf toffri n-natura permezz tas-siġar taċ-ċitru, l-ġonna u s-sbuħija tal-pjanti.
Forsi fis-sena 2019 dan kollu jista’ jinstema kemm xejn maqtugħ mir-realta’. Forsi fis-sena 2019 jaf ikun hawn min jargumenta li tali xenarju mhux realistiku għaliex id-dinja mxiet il-quddiem u jeħtieġ li nimxu maż-żmien. Li wieħed jargumenta li għandu jkollna żoni f’Malta li huma presepju fejn bħal donnu l-iżvilupp ma’ jasal qatt huwa mhux biss argument fjakk imma saħansitra perikoluż. L-iżvilupp u l-progress ma’ jżommhom ħadd u l’anqas għandu xi ħadd jagħmel attentat li jżommhom.
Imma jeħtieġ l-għaqal u l-ippjanar; jeħtieġ viżjoni fit-tul, bilanċ ċar bejn il-ħtieġa ta’ żvilupp u l-preservazzjoni ta’ l-identita’ tradizzjonali. La huwa realistiku li ma’ jkun hemm ebda xorta ta’ żvilupp imma l’anqas ma huwa għaqli li nibqaw neqirdu kollox bil-gaffa mingħajr ebda rispett lejn il-valur ta’ l-identita’ li wieħed jsib f’rħula bħal dawn.
Fil-każ ta’ Ħal Balzan l-aqwa potenzjal tiegħu jista’ joħroġ biss jekk bi pjan għaqli jintlaħaq bilanċ ċar bejn il-ħtiġijiet kummerċjali f’Ħal Balzan fejn huwa ċar li jeħtieġ żvilupp sostennibli u fl-istess waqt preservazzjoni ċara ta’ dawk il-karaterisstiċi li jagħmlu lil dan ir-raħal wieħed mill-isbaħ fil-gzejjer Maltin.
M’hemmx bżonn nsemmi ismijiet; kullħadd jaf kif f’Malta għandna rħula li xi darba kellhom l-identita’ mill-isbaħ ta’ djar b’arkitetura tipikament Ingliża liema identita’ kienet unika fil-pajjiż u llum l-istess rħula spiċċaw ġabra waħda ta’ kaxxi tal-concrete mingħajr ebda sens ta’ preservazzjoni ta’ l-identita’.
Nerġa ntenni, l-argument hawn mhuwiex favur li ndawwru x’mkien fi presepju. L-argument hawn huwa pjannar fit-tul sabiex ikun hemm bilanċ li jagħmel sens għal kullħadd li jkun tajjeb kemm għall-iżvilupp tal-pajjiż kif ukoll għal preservazzzjoni ta’ l-identita’.
Sfortuntament il-gvern fi żminijiet riċenti qiegħed bħal donnu dejjem jgħati inqas widen lit-tħassib tar-residenti u tal-Kunsilli Lokali dwar l-iżvilupp mingħajr pjan u direzzjoni li qiegħed jaħkem lil pajjiżna. Dan kollu jitfa’ d-dmir fuq kull wieħed u waħda minnha li joffri l-kontribut tiegħu sabiex din il-politika li qegħda tagħmel ħsara irreparabbli lil pajjiżna tiġi koreġuta llum qabel għada. Din mhix xi kwistjoni ta’ Nazzjonalisti kontra Laburisti jew xi kruċjata kontra l-progress. Din hija biss sejħa sabiex f’pajjiżna l-affarijiet isiru bi pjan fit-tul.
Jeħtieġ li nxammru l-kmiem u naħdmu qatiegħ sabiex villaġġi mill-isbaħ bħal Ħal Balzan, Ħal Lija u tant u tant oħrajn madwar Malta u Għawdex fejn l-identita’ tal-villaġġ Malti għadha ħajja u vibranti ma’ jispiċċawx vittma tan-nuqqas ta’ pjannar. Jeħtieġ li nxammru sabiex dawn il-villaġġi tant pittoreski jibqaw jidgawdew mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin u mhux ikunu biss xi kartolina li naraw fil-gazzetta meta nġibu ritratti antiki. Is-siġar taċ-ċitru, l-ġonna, l-pjazza, l-gallarija Maltija, l-bieb tradizzjonali Malti jeħtieġ li ma jkunux biss postcards imma realta’ li tibqa sawwar l-identita’ viżiva ta’ dawn il-gzejjer.
No comments:
Post a Comment