Il-Kunsilli Lokali ser jibqgħu dejjem marbuta mal-viżjoni ta’ gvern Nazzjonalista mmexxi mill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Kien taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami li pajjiżna ra pass kurraġġuż ħafna jseħħ f’termini ta’ governanza. Minn pajjiż li fis-snin sebgħin u tmenin kien gvernat b’sistema assolutament ċentralizzata fejn kull deċiżjoni riedet toħroġ mill-kuruttur ta’ xi ministeru fil-belt Valletta sirna pajjiż fejn numru ta’ deċiżjonijiet importanti bdew jittieħdu fil-lokal minn nies ta’ l-istess lokal.
Il-gvern tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi kompla jibni fuq din il-viżjoni u kompla jsaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli Lokali. Biżżejed wieħed isemmi, fost oħrajn, il-ħidma ta’ Chris Said meta kien responsabbli mill-Kunsilli Lokali; ħidma li rat il-Kunsilli Lokali jieħdu x-xejra ta’ gvern lokali.
L-istorja tal-Partit Laburista mhijiex daqshekk ward u żahar dwar il-Kunsilli Lokali. Beda kontra l-Kunsilli Lokali, eventwalment aċċetahom għax ħass li ma kellux għażla u llum li jinstab fit-tmexxija tal-pajjiż filwaqt li bil-fomm jgħid li hu favur il-potenzjal tal-Kunsilli Lokali jaġixxi b’mod li juri l-oppost b’mossa wara l-oħra li tnaqqar il-poter tal-Kunsilli Lokali u saħansitra b’mossa li teqred għal kollox il-kunċett tal-Kunsilli Amministrattivi magħrufa aħjar bħala l-hamlets.
Jekk wieħed iħares lejn l-istorja tal-Kunsilli Lokali jara li in ġenerali l-Kunsilli Lokali għamlu differenza għal aħjar. Is-suċċess tal-Kunsilli Lokali mhuwiex mertu ta’ maġġoranza esklusiva ta’ xi partit wieħed. Hemm stejjer ta’ suċċess fuq iż-żewġ naħat ta’ l-ispettru politiku.
Dan kollu naturalment ikompli jagħmilha aktar importanti li bħala partit politiku l-Partit Nazzjonalista jirreżisti kull mossa tal-Partit Laburista li effettivament tnaqqar mill-eżistenza tal-Kunsilli Lokali.
Fejn nkiseb suċċess notevoli dejjem spikkat sens ta’ enerġija, ħeġġa u impenn fi ħdan dak il-Kunsill. Enerġija sabiex wieħed jagħmel differenza, ħeġġa sabiex wieħed juża l-mezzi kollha possibli sabiex issir differenza fil-ħajja tar-resident u impenn sabiex wieħed iservi bl-aħjar mod possibli l-lokal u mhux xi interess partiġġjan jew personali.
Huwa dan is-sens li permezz ta’ enerġija, ħeġġa u impenn tista’ tagħmel differenza li wassalni sabiex naċċetta l-istedina tal-Partit Nazzjonalista sabiex nikkontesta l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan. Għalkemm Ħal Balzan mhux min dejjem kien id-dar tiegħi, llum dan il-villaġġ sar wieħed ferm għal qalbi. Villaġġ li permezz ta’ l-enerġija, ħeġġa u impenn tiegħi nixtieq nara jkompli jimxi l-quddiem.
Zgur li kull Balzani jemmen fil-potenzjal li għandu Ħal Balzan. Zgur li kull Balzani jemmen li Ħal Balzan jixraqlu l-aqwa impenn minn dawk kollha li jkunu fil-Kunsill Lokali. L-impenn tiegħi huwa li jekk il-Balzanin jgħatuni dan il-mandat jien nwettaq dak il-mandat bl-aktar mod effettiv possibli. M’għandi ebda dubju li sħabi l-kandidati l-oħra tal-Partit Nazzjonalista huma ugwalment kommessi għall-istess għan.
Naturalment bħal kull lokalita’ oħra Ħal Balzan għandu l-isfidi u diffikultajiet partikolari tiegħu. Uħud minn dawn l-isfidi u diffikultajiet huma tali li jirrikjedu ħidma ma’ Kunsilli Lokali oħra jew mal-gvern ċentrali. M’għandi ebda dubju li fil-kandidati tal-Partit Nazzjonalista l-Balzanin għandhom team li ser ikun lest jaħdem b’enerġija, b’sens ta’ oġġettivita’ imma b’determinazzjoni sħiħa li jiġi mħares l-interess ta’ Ħal Balzan.
Ngħalaq billi nrodd ħajr lil dawk kollha li fl-aħħar jiem laqgħuni fid-dar tagħhom waqt il-house visits. Bħal dejjem il-house visits qegħdin iservu bħala fond mill-aqwa sabiex wieħed jitgħallem u jkun in touch mal-poplu.
No comments:
Post a Comment