Friday, April 26, 2019

Flimkien Għal Pajjiżna


Il-bidu ta’ din il-ġimgħa kien ukoll il-bidu formali tal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista għal elezzjonijiet li ser isiru fil-25 ta’ Mejju fejn il-poplu jinstab msejjaħ sabiex jagħżel is-sitt Ewroparlamentari li ser jirrapreżentaw lil Malta fil-Parlament Ewropew kif ukoll sabiex jelleġġi l-Kunsill Lokali fil-lokalita’ rispettiva tiegħu.

Huwa ċar li fil-25 ta’ Mejju l-poplu mhuwiex msejjaħ sabiex jagħmel għażla ta’ gvern ċentrali. Dak l-appuntament huwa skedat ghas-sena 2022 sakemm il-Prim Ministru Joseph Muscat ma’ jerġax jagħżel li jsejjaħ elezzjoni bikrija. Madankollu huwa xorta appuntament ta’ importanza kbira u li għalih il-Partit Nazzjonalista qiegħed juri determinazzjoni sħiħa.

Importanza fuq livell Ewropew

Fuq livell Ewropew il-votazzjoni tal-25 ta’ Mejju għandha importanza għaliex il-poplu għandha għażla ċara quddiemu. Minn naħa jista’ jagħżel li jgħati appoġġ lil min storikament kien xettiku fuq l-Unjoni Ewropea u min għażel li juża kull mossa disponibbli sabiex iħares l-interessi politiċi u partiġġjani tal-Partit Laburista minflok l-interess nazzjonali. Minn naħa l-oħra jista’ jagħżel li jgħati l-appoġġ lil min dejjem emmen fl-Unjoni Ewropea u min kellu jibbatlja x-xettiċiżmu ta’ ħaddieħor sabiex illum aħna membri. Jista’ jagħżel lil min għandu track record ċar ta’ ħidma favur il-poplu, favur il-ġustizzja, favur is-sewwa, favur il-vulnerabbli, favur il-valuri Ewropej tagħna u favur il-liberta’.

Importanza fuq livell lokali

Hemm mbgħad is-sejħa lokali. Il-Kunsilli Lokali huma għal darb’ oħra materja fejn id-differenza storika hija ċara. Partit Laburista li qatt ma emmen fil-Kunsilli Lokali u saħansitra issa fl-aħħar mossa qered il-Kunsilli Amministrattivi jew Partit Nazzjonalista li dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali u dejjem għamel min kollox biex isaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli Lokali.

Il-gvern Laburista tul l-aħħar żmien kompla dejjem inaqqar ir-rwol u l-għodda tal-Kunsilli Lokali. Għalhekk il-vot tal-25 ta’ Mejju huwa opportunita’ tajba sabiex ikun hemm messaġġ ċar li l-poplu jemmen fis-sussidjarjeta’, jemmen fil-potenzjal tal-Kunsilli Lokali, jrid li l-Kunsilli Lokali jkollhom l-għodda meħtieġa u jrid li l-Kunsilli Lokali jkollhom rwol ċar u governattiv fil-lokalita’.

Il-Partit Nazzjonalista għandu team ta’ kandidati determinati li jagħmlu differenza fil-ħajja tar-resident. Kemm dawk il-kandidati f’lokalitajiet fejn tradizzjonalment il-Partit Nazzjonalista jkun f’minoranza kif ukoll min bħali huwa kandidat f’lokalita’ bħal Ħal Balzan fejn tradizzjonalment il-Partit Nazzjonalista jgawdi maġġoranza u fejn allura bir-raġun il-poplu jistenna’ riżultati konkreti u ħidma bla waqfien.

Triq iebsa

Naturalment irridu nkunu realistiċi. Il-Partit Laburista bħalissa għandu bosta vantaġġi politiċi; finanzjarjament għandu sodda mifruxa faċli, għandu power of incumbancy assoluta u għandu vantaġġ enormi fuq livell ta’ media bi stazzjon tiegħu u ieħor nazzjonali li huwa kollox għajr imparzjali. Il-Partit Nazzjonalista għaddej min żmien ta’ sfida fejn il-ħidma ma’ tonqosx imma fejn sabiex wieħed jieħu l-frott tal-ħidma għadu forsi kemm xejn prematur. Għalhekk realistikament huwa ċar li din l-elezzjoni ħa tkun iebsa għal Partit Nazzjonalista. Madankollu dan kollu għandu jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna; determinazzjoni li naħdmu bla waqfien, determinazzjoni li naħdmu b’enerġija u entużjażmu, determinazzjoni li nagħmlu differenza, determinazzjoni li niksbu riżultati għal pajjiżna; ħidma id f’id, spalla ma’ spalla Flimkien Għal Pajjiżna!

No comments:

Post a Comment