Thursday, November 30, 2017

Il-Plattina tal-Fidda


Bl-Ingliż meta ngħidu li xi ħaġa ġiet served on a silver platter nkunu qegħdin ngħidu li xi ħadd akkwista’ xi ħaġa b’faċilita’ kbira; anzi forsi aktarx b’wisq faċilita’ meta wieħed iqies dak li jkun ġie akwistat. Fil-fatt l-espressjoni served on a silver platter ġeneralment tintuża f’kuntesti negattivi li jindikaw li ħadd għamel il-ħajja ta’ ħaddieħor wisq faċli.

Hija espressjoni li bħalissa tapplika għal Malta u r-reputazzjoni internazzjonali tagħha. Il-qasam tas-servizzi finanzjarji huwa pilastru mill-aktar importanti fl-ekonomija Maltija. Huwa qasam li qiegħed mhux biss jiġġenera ħafna xogħol imma ħafna xogħol ta’ kwalita’ għolja. Xogħol li sar sors ta’ għixien għal bosta nies, direttament permezz ta’ ħidma fis-settur jew indirettament permezz ta’ servizzi offruti lil uffiċini u kumpaniji fis-settur.

Sabiex pajjiż ikollu qasam tas-servizzi finanzjarji b’saħħtu jeħtieġ li jkollu sistema legali soda u business friendly. Sistema legali mibnija bil-ħsieb li pajjiż ikun ser isir ċentru tas-servizzi finanzjarji fuq skala internazzjonali. Pajjiż irid ukoll ikollu reputazzjoni tajba u nadifa. Investituri kbar u ta’ reputazzjoni dejjem jfittxu li jkunu assoċjati ma’ pajjiżi li m’hemm ebda ombra ta’ dubju dwar ir-reputazzjoni tagħhom. Pajjiżi b’dubji serji dwarhom wisq aktarx jispiċċaw kapaċi biss jattiraw it-tip ta’ investiment li fl-aħjar xenarju huwa insostennibli fit-tul u fl-agħar xenarju għandu konessjonijiet kriminali.

Huwa għalhekk fundamentali li pajjiżna dejjem jara li jkollu qafas legali li jippermetti lis-settur tas-servizzi finanzarji jikber u jifjorixxi. Dwar dan ftit hemm dubji għaliex jekk f’pajjiżna hemm suġġett li dwaru hemm qbil politiku huwa propju dwar dan. Il-Partit Nazzjonalista welled is-servizzi finanzarji u għalhekk bla dubju ta’ xejn huwa kommess li jkompli jaħdem sabiex dan is-settur ikompli jikber u jifjorixxi. Fejn jidħol il-qafas legali tal-liġijiet ftit hemm x’tilmenta dwar gvern Laburista. Dan kompla jibni fuq il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u kompla jsostni liġijiet li jgħinu fit-tkattir tas-servizzi finanzarji.

Mhux l-istess jista’ jingħad fejn tidħol ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-kwistjoni tar-reputazzjoni mhijiex xi ħaġa żgħira jew sekondarja. Hija fundamentali daqs il-qafas legali jekk mhux kważi kważi aktar għaliex inutli għandek il-liġijiet imma m’għandekx investituri li jridu jmissu mal-pajjiż. Huwa għalhekk li kull mossa jew nuqqas ta’ deċiżjoni li tista’ twassal għal sitwazzjoni ta’ nuqqas fiduċja f’pajjiżna għandha tiġi evitata għal kollox mill-gvern. Ikun żball ukoll jekk naħsbu li jekk nipprovaw nsikktu l-kritiċi lokali sejrin b’xi mod nsolvu l-problema. Bħalma aħna nsiru nafu x’inhu jiġri f’pajjiżi oħra f’tebqa ta’ għajn daqstant ieħor ħaddieħor isir jaf x’inhu jiġri f’pajjiżna f’tebqa ta’ għajn. Illum il-ġurnata grazzi għall-internet l-informazzjoni saret aċċessibli b’ħeffa kbira u b’faċilita’ kbira. Dak li ma rridux li jtebba isem pajjiżna għandna naraw li ma’ jiġrix u mhux nipprovaw nsiktu lil kritiċi milli jitkelmu dwaru.

Huwa stat ta’ fatt li bħal kull ċentru ieħor ta’ servizzi finanzarji pajjiżna għandu rivali. Rivali li jew jixtiequ jisirqu l-industrija minn hawn nkella huwa fl-interess dirett tagħhom li Malta ma’ ssirx ċentru tas-servizzi finanzjarji. Ejja ma nħallux li jkollna gvern li bl-azzjonijiet tiegħu stess jagħmel il-ħajja ta’ dawn ir-rivali faċli billi jippermetti isem pajjiżna jiġi mħammeġ. Let us not serve our reputation and the industry to our rivals on a silver platter; biex nkunu użajna l-famuża espressjoni f’kuntest.

Thursday, November 23, 2017

Bejn proċess elettorali u proċess ta’ tiġdid

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista kienu mill-ġdid msejħa sabiex jagħmlu għażla. Din id-darba t-tesserati kienu msejħa jagħżlu żewġ Viċi Kapijiet ġodda għal Partit Nazzjonalista. 

Qabel xejn ikun sewwa u ġust li wieħed jibda billi jrodd ħajr lil Beppe Fenech Adami u Mario De Marco li tul l-aħħar snin servew fil-kariga ta’ Viċi Kap. Bla dubju ta’ xejn ftit jista’ jkun hemm dubju dwar is-sens ta’ sagrifiċċju personali li mxew bih Beppe u Mario u s-sens ta’ dedikazzjoni assoluta li dejjem urew lejn il-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista. Għalkemm issa Beppe u Mario mhumiex ser iservu iżjed fil-kariga ta’ Viċi Kap għad fadlilhom ħafna x’joffru lil Partit Nazzjonalista. 

It-tmiem ta’ Beppe u Mario mill-kariga ta’ Viċi Kap tfisser ukoll il-bidu tal-ħidma ta’ David Agius u Robert Arrigo fil-kariga ta’ Viċi Kap. F’dawn it-tnejn minn nies il-Partit Nazzjonalista għandu potenzjal kbir. 

David Agius għandu kwalitajiet mill-aqwa fis-sens li jlaqqa’ f’persuna waħda l-abilta’ teknika fit-tħaddim tal-‘logħba’ parlamentari u abilta’ ċara fil-kommunikazzjoni, mhux biss kommunikazzjoni fis-sens tal-mass media imma anke fuq livell personali. Kwalitajiet li bla dubju ta’ xejn ser jgħinu lil David Agius sabiex ikun ta’ spalla għal Kap tal-Partit Adrian Delia kemm fil-ħidma parlamentari tal-Partit, li bla dubju ta’ xejn dejjem hi waħda kumplessa; kif ukoll fil-ħidma tal-partit sabiex il-partit ikun tassew qrib in-nies u fost in-nies. Għandi fiduċja sħiħa, li kif dejjem għamel fil-passat David Agius ser ikompli jkun xhieda ta’ servizz leali lejn il-pajjiż u l-partit. 

Minn naħa l-oħra f’Robert Arrigo l-Partit Nazzjonalista għandu persuna bi kwalitajiet organizzativi mill-aqwa. Persuna li fih tispikka l-enerġija, l-ħeġġa u l-idejat ġodda ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jkompli jieħu l-ħajja. Persuna li l-ħidma politika tiegħu hija karaterizzata minn elettorat fid-disgħa u l-għaxar distrett li jsib f’Robert Arrigo mhux biss politiku denju imma ħabib u spalla li dejjem lest li jgħin. Il-kwalitajiet organizzattivi ta’ Robert Arrigo magħquda ma’ din l-abilta’ li jkun qrib in-nies u ta’ spalla għan-nies huma ċertament kwalitajiet li ser jagħmlu minn Robert Arrigo sisien importanti għal Partit Nazzjonalista u għal Kap tal-Partit Adrian Delia. Fuq kollox ser jagħmlu minn Robert Arrigo persuna li ser ikun strumentali fit-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista; xi ħaġa li bla dubju ta’ xejn hija fl-aqwa interess nazzjonali. 

Ikun żball jekk ninsew li f’din it-tellieqa kien hemm żewġ kontestanti oħra. Ikun żball jekk ma nurux apprezzament lejn Edwin Vassallo u l-Perit Toni Bezzina. F’Edwin Vassallo u l-Perit Toni Bezzina l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ politiċi ġenwini li motivati mill-ġenwinita’ tagħhom offrew li jkunu ta’ servizz. Żewġ politiċi li għalkemm l-elettorat ma’ sejħilhomx sabiex iservu bħala Viċi Kap bla dubju ta’ xejn għandhom ħafna ħidma x’joffru lil Partit Nazzjonalista u għandu jkun aċċertat li t-tnejn jingħataw spazju sħiħ sabiex il-potenzjal tagħhom jintuża bl-aħjar mod possibli. Fuq kollox huma żewġ politiċi li wkoll bil-ħidma attivta’ tagħhom għandu ħafna x’jiggwadanja l-pajjiż u l-partit. 


Prosit!


Ngħalaq billi ngħati l-awguri tiegħi lil dawk kollha li f’dawn il-jiem qegħdin jiggradwaw. Awguri u prosit talli l-ħidma tagħhom qegħda tgħati l-frott. Bla dubju ta’ xejn fuq nota personali ħafna ngħati l-awguri lil Charlene li din il-ġimgħa gradwat fil-kors tal-liġi. Prosit Charlene...kburi bik!
-->

Thursday, November 16, 2017

Dawk it-tradituri!


Il-kelma traditur dan l-aħħar tant saret komuni fid-dizzjunarju politiku Malti li anke politiċi Ewropej saru konxji mill-fatt li din il-kelma iebsa saret tintuża b’mod regolari. Meta takkuża lil xi ħadd bħala traditur ta’ pajjiżu tkun qiegħed takkużah b’wieħed mill-aktar rejati serji kontemplati fil-liġi. Tkun qiegħed takkużah b’reat li huwa mhux biss serju fil-liġi imma wkoll moralment xokkanti.

Imma xi jkun traditur? X’jagħmel lil xi ħadd traditur? Traditur huwa dak li jmur kontra pajjiżu fis-sens li jaħdem b’mod dirett kontra l-interess tal-pajjiż u l-poplu. Traditur huwa dak li bl-azzjoni tiegħu jpoġġi l-interess ta’ xi individwu jew pajjiż ieħor qabel dak ta’ pajjiżu stess. Traditur huwa dak li bl-azzjoni tiegħu, konxjament jagħmel ħsara lil pajjiżu u jibqa’ għaddej b’din il-ħsara sempliċiment għaliex qiegħed ipoġġi xi interess ieħor l-ewwel u qabel kollox. Tali tradiment huwa dejjem ħażin, iżda aktar u aktar meta jkun ġej minn uffiċjal pubbliku jew politiku, liema uffiċjal jew politiku huwa raġjonevolment mistenni li jaħdem favur l-interess nazzjonali.

Tiġi mbgħad il-mistoqsija allura, x’inhu l-interess nazzjonali? X’inhu dan l-interess li jekk xi ħadd imur direttament kontrih ikun qiegħed iwettaq reat hekk faħxi legalment u moralment? Huwa f’dan il-punt li fl-istorja politika dinjija nsibu tiżwiqa ta’ interpretazzjonijiet.

Huwa komuni li f’pajjiżi dittatorjali bħal Korea ta’ Fuq, iċ-Ċina, Kuba u oħrajn li tlissen opinjoni kontra l-President jew Prim Ministru tikkostitwixxi tradiment tal-pajjiż. F’dawn il-pajjiżi kullħadd huwa mistenni jbaxxi rasu mingħajr ebda mistoqsija u min ma’ jagħmilx hekk għandu jitqies bħala traditur. Huwa għalhekk komuni li min f’dawn il-pajjiżi jipprova jgħolli leħnu sabiex jitkellem dwar l-inġustizzji li jkunu għaddejin, il-korruzzjoni rampanti jew favur il-liberta’ tal-kelma u s-saltna tad-dritt jsib ruħu mixli bħala traditur u arrestat jew maqtul permezz ta’ piena kapitali.

F’pajjiżi demokratiċi minn naħa l-oħra, l-kritika dwar l-inġustizzji, d-difiża tal-liberta’ tal-kelma, d-difiża tas-saltna tad-dritt u l-ħidma kontra korruzzjoni rampanti huma mhux biss mhux meqjusa bħala att ta’ tradiment imma anzi huma meqjusa bħala forma ta’ ħidma favur l-interess nazzjonali. F’pajjiżi demokratiċi hemm linja ċara bejn l-interess politiku tal-partit fil-gvern u l-interess nazzjonali. F’pajjiżi demokratiċi huwa normali li ħidma favur id-demokrazija, favur is-saltna tad-dritt u kontra l-korruzzjoni titqies bħala ħidma fl-interess nazzjonali għaliex huwa meqjus li huwa fl-interess nazzjonali li f’pajjiż ikun hemm id-demokrazija, s-saltna tad-dritt u l-ġustizzja.

Is-sistema demokratika hija mibnija fuq il-pedament ta’ kritika kostruttiva. Is-sistema demokratika hija dipendenti fuq il-liberta’ ta’ l-espressjoni. Is-sistema demokratika hija dipendenti fuq is-saltna tad-dritt, fuq il-ġustizzja, fuq il-ġurnaliżmu investigattiv. Is-sistema demokratika hija dipendenti fuq l-abilta’ ta’ forzi politiċi u s-soċjeta’ ċivili li jwasslu l-kritika tagħhom u li jwettqu ħidma politika sabiex l-affarijiet imorru għal aħjar u jsiru u b’mod differenti.

Li wieħed jargumenta li tali ħidma tikkostitwixxi tradiment huwa għalhekk argument perikoluż ferm. Fejn ser tieqaf il-linja ta’ tradiment? Jekk jien nkun kritiku tal-gvern u nagħmel dan bl-Ingliż fuq l-internet fejn allura l-barranin jistaw jaraw il-kritika tiegħi nkun traditur ta’ pajjiżi? Bl-Ingliż ngħidulha a slipperi slope, jiġifieri triq perikoluża li jekk nibdew mixjin fiha ser nmorru l-isfel minflok il-fuq.

Huwa normali li fil-konfront ta’ kritika jkun hemm tweġiba. F’demokrazija l-kritika u t-tweġiba huma aspetti mill-aktar normali. Iżda li l-kelma traditur tintuża bħal li kieku xejn m’hu xejn huwa biss normali f’pajjiżi bħal Kuba, iċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq.

Friday, November 10, 2017

Storja ta’ oppożizzjoni ‘rrelevanti’


Dr Muscat, li kien qed iwieġeb intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bidu tas-seduta Parlamentari tal-lejla, qal li l-Gvern mill-ewwel iddikjara li s-sitwazzjoni hi gravi b’dak li ġara fil-pajjiż. Iżda l-Gvern ma qalx li l-budget huwa irrelevanti. “Anzi nappellalu to get a grip għax kif inhuma l-affarijiet mhux il-budget irrelevanti; l-Oppożizzjoni se ssir irrelevanti”.”

Is-silta li biha ftaħt dan l-artiklu mhijiex meħuda minn xi rapport ta’ In-Nazzjon jew Netnews.com.mt fejn forsi wieħed jista’ jargumenta li hemm interess partiġġjan li jista’ jwassal sabiex xi kwotazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat ttieħed barra mill-kuntest. Is-silta li biha ftaħt dan l-artiklu hija meħuda mill-portal ta’ One News fejn l-istess One News kien qiegħed jirraporta d-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament din il-ġimgħa.

Silta li bla dubju ta’ xejn għal kull min għandu għal qalbu d-demokrazija hija ta’ għajb. Ta’ għajb għaliex fiha l-Prim Ministru ma sab ebda diffikulta jiddikjara li għalih partit politiku li jirrapreżenta ftit inqas minn nofs il-parlament Malti u ftit inqas minn nofs l-elettoral li vvota fl-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 huwa rrelevanti.

Il-mistoqsija hawn toħroġ ċara; jekk għal Muscat l-oppożizzjoni hija rrelevanti, allura l-gvern huwa wieħed mingħajr ebda oppożizzjoni; gvern li jista’ jagħmel li jrid, x’ħin irid u ħadd ma’ jista jkellmu? Min jemmen fid-demokrazija ma’ jista’ qatt jara lill-oppożizzjoni bħala rrelevanti anke jekk forsi l-msemmija oppożizzjoni tkun għaddeja min żmien ta’ sfida fejn forsi f’termini elettorali huwa ċar li l-partit fil-gvern jinstab f’vantaġġ ċar.

Kemm kien ikun aħjar għad-demokrazija li kieku Joseph Muscat, minkejja li forsi l-oppożizzjoni vera qed tiffaċja mument ta’ sfida jibqa’ juri rispett sħiħ lejn ir-rwol vitali tal-oppożizzjoni f’demokrazija minflok ma’ jikxef idejh li għalih l-oppożizzjoni saret nullita. Kemm kien ikun aħjar għad-demokrazija li kieku Joseph Muscat wera li bħala bniedem demokratiku għalih huwa importanti li fil-pajjiż jibqa’ jkun hemm kontribut minn naħa ta’ l-oppożizzjoni.

Din l-attitudni xejn pożittiva ta’ Joseph Muscat tkompli tixhed aktar u aktar kemm għandu raġun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors qawwi li għamel fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Tkompli tixhed kemm huwa importanti li naħdmu lkoll flimkien, spalla ma’ spalla, niġbdu ħabel wieħed sabiex nġeddu l-Partit Nazzjonalista u nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista gvern alternattiv. Kemm huwa importanti li l-enerġija kollha tagħna tkun iffukata fuq l-interess nazzjonali, fuq il-futur ta’ pajjiżna, fuq kif ser nisfruttaw l-aqwa potenzjal ta’ din Malta tagħna. Kemm huwa importanti li nużaw l-enerġija b’mod pożittiv u mhux naħlu l-enerġija tagħna fuq kwistjonijiet ta’ natura sekondarja li għandhom jibqaw dejjem interni u qatt ma’ jsiru esterni jew personali.

Pajjiżna qiegħed isejħilna. Pajjiżna għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu li joffri oppożizzjoni kredibli u effettiva. Pajjiżna ma’ jistax ikollu Prim Ministru li jħossu tant invinċibbli li mingħajr ebda sens ta’ mistħija jmur fil-parlament jgħid li għalih l-oppożizzjoni hija rrelevanti. Li f’Malta l-gvern jirrispetta l-oppożizzjoni mhijiex xi battalja ta’ Nazzjonalisti kontra Laburisti jew viċi versa. Li f’Malta l-gvern jirrispetta l-oppożizzjoni hija fundamentali għad-demokrazija, rrispettivament minn liema partit jifforma l-gvern u liema partit jifforma l-oppożizzjoni.

Thursday, November 2, 2017

Storja ta’ demokrazija normali

Huwa bir-raġun li nistennew li f’pajjiżna għandu jkollna sitwazzjoni ta’ demokrazija normali. Pajjiżna huwa stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea, stat fejn is-saltna tad-dritt suppost ilha stabbilita’ snin sħaħ, stat li ekonomikament qiegħed f’sitwazzjoni pożittiva, stat li l-aspirazzjoni tiegħu hi li jkun l-aqwa fl-Ewropa.

Huwa bir-raġun għalhekk li l-Partit Nazzjonalista, s-soċjeta ċivili u l-media indipendenti, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, esprimew tħassib dwar dak li qiegħed iseħħ f’Malta. Is-sitwazzjoni f’Malta hija waħda fejn f’moħħ il-poplu l-korruzzjoni saret xi ħaġa komuni, kważi kważi aċċettabli u parti mis-sistema ta’ normalita’ Maltija. Sitwazzjoni fejn f’moħħ il-poplu bħal donnu ftit hemm ċans li jkun hemm ġustizzja għaliex bħal donnu tassew sar vera il-qawl Malti li bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Anke jekk wieħed jista’ forsi jargumenta li fir-realta’ s-sitwazzjoni mhijiex daqshekk negattiva, l-fatt li l-poplu u l-media indipendenti lokali u internazzjonali jinstabu daqstant mħassba minnha nfisha mhijiex sitwazzjoni ta’ demokrazija normali imma hija sitwazzjoni li għandha tqanqal tħassib f’kull min għandu għal qalbu lil Malta.

Aktat ta’ tħassib huwa l-fatt li  b’sitwazzjoni fejn it-tħassib mhuwiex limitat għal oppożizzjoni, imma huwa mifrux fost is-soċjeta’ ċivili li ma’ tarax kuluri partiġġjani, l-media indipendenti u saħansitra l-media internazzjonali, l-gvern qiegħed jagħmel bħal gallozz u jidfen rasu fir-ramel billi jibqa’ jinsisti li m’hemm xejn ħażin, kollox business as usual. Gvern li jibqa’ jinsisti li kull min hu b’xi mod mħasseb mhuwiex mħasseb għaliex ġenwinament għandu għal qalbu d-demokrazija f’Malta imma għaliex jew huwa parti mill-Partit Nazzjonalista jew huwa influwenzat mill-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk fl-isfond ta’ dan kollu huwa ċar li pajjiżna għandu bżonn soċjeta’ ċivili vibranti u Partit Nazzjonalista b’saħħtu. Pajjiżna għandu bżonn soċjeta’ ċivili vibranti għaliex tali soċjeta’ ċivili jżomm lil kull politiku, jkun x’ikun il-kulur tiegħu, accountable. Soċjeta’ ċivili li ma’ tistax tisfa vittma, anke jekk mhux intenzjonalment, ta’ interessi elettorali imma li tista’ tispira ruħha unikament mill-kawża li fiha tkun temmen.

Minn naħa l-oħra pajjiżna għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu; partit li l-enerġija tiegħu jużaha unikament u kompletament sabiex jibni lilu nnifsu bħala gvern alternattiv filwaqt li joffri oppożizzjoni soda u fl-istess ħin kostruttiva. Partit Nazzjonalista li jeħtieġ li jkun fi stat sabiex jibgħat messaġġ ċar; sabiex iwassal il-messaġġ tiegħu, sabiex ikun sors ta’ tama fil-politika Maltija, sabiex ikun mill-ġdid sors ta’ ispirazzjoni u viżjoni. Dan kollu l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmlu biss bl-isforz kolletiv ta’ kull wieħed u waħda minnha. Dan kollu l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmlu billi nfittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna. Dan kollu l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmlu jekk l-enerġija tagħna nużawha fil-pożittiv u mhux fin-negattiv.

Is-Senatur Amerikan Cory Booker darba qal, “We don’t always have to agree, but we must empower each other, we must find the common ground, we must build bridges across our differences to pursue the common good”. Huwa mingħajr dubju ta’ xejn li l-interess nazzjonali li f’pajjiżna jkollna demokrazija normali għandu jiġi qabel kull differenza li forsi tista’ b’xi mod tifridna. Huwa mingħajr dubju li f’dan iż-żmien ta’ sfida hemm bżonn l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista. Huwa mingħajr dubju li permezz ta’ l-għaqda l-Partit Nazzjonalista jkun f’posizzjoni li jwettaq d-dover tiegħu fl-aħjar interess nazzjonali bl-aktar mod effettiv possibli.