Huwa bir-raġun li nistennew li f’pajjiżna għandu
jkollna sitwazzjoni ta’ demokrazija normali. Pajjiżna huwa stat membru ta’
l-Unjoni Ewropea, stat fejn is-saltna tad-dritt suppost ilha stabbilita’ snin
sħaħ, stat li ekonomikament qiegħed f’sitwazzjoni pożittiva, stat li
l-aspirazzjoni tiegħu hi li jkun l-aqwa fl-Ewropa.
Huwa bir-raġun għalhekk li l-Partit Nazzjonalista,
s-soċjeta ċivili u l-media indipendenti, kemm lokali kif ukoll internazzjonali,
esprimew tħassib dwar dak li qiegħed iseħħ f’Malta. Is-sitwazzjoni f’Malta hija
waħda fejn f’moħħ il-poplu l-korruzzjoni saret xi ħaġa komuni, kważi kważi
aċċettabli u parti mis-sistema ta’ normalita’ Maltija. Sitwazzjoni fejn f’moħħ
il-poplu bħal donnu ftit hemm ċans li jkun hemm ġustizzja għaliex bħal donnu tassew
sar vera il-qawl Malti li bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Anke jekk wieħed
jista’ forsi jargumenta li fir-realta’ s-sitwazzjoni mhijiex daqshekk
negattiva, l-fatt li l-poplu u l-media indipendenti lokali u internazzjonali
jinstabu daqstant mħassba minnha nfisha mhijiex sitwazzjoni ta’ demokrazija
normali imma hija sitwazzjoni li għandha tqanqal tħassib f’kull min għandu għal
qalbu lil Malta.
Aktat ta’ tħassib huwa l-fatt li b’sitwazzjoni fejn it-tħassib mhuwiex limitat
għal oppożizzjoni, imma huwa mifrux fost is-soċjeta’ ċivili li ma’ tarax kuluri
partiġġjani, l-media indipendenti u saħansitra l-media internazzjonali, l-gvern
qiegħed jagħmel bħal gallozz u jidfen rasu fir-ramel billi jibqa’ jinsisti li
m’hemm xejn ħażin, kollox business as
usual. Gvern li jibqa’ jinsisti li kull min hu b’xi mod mħasseb mhuwiex
mħasseb għaliex ġenwinament għandu għal qalbu d-demokrazija f’Malta imma
għaliex jew huwa parti mill-Partit Nazzjonalista jew huwa influwenzat
mill-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk fl-isfond ta’ dan kollu huwa ċar li
pajjiżna għandu bżonn soċjeta’ ċivili vibranti u Partit Nazzjonalista b’saħħtu.
Pajjiżna għandu bżonn soċjeta’ ċivili vibranti għaliex tali soċjeta’ ċivili
jżomm lil kull politiku, jkun x’ikun il-kulur tiegħu, accountable. Soċjeta’ ċivili li ma’ tistax tisfa vittma, anke jekk
mhux intenzjonalment, ta’ interessi elettorali imma li tista’ tispira ruħha
unikament mill-kawża li fiha tkun temmen.
Minn naħa l-oħra pajjiżna għandu bżonn Partit
Nazzjonalista b’saħħtu; partit li l-enerġija tiegħu jużaha unikament u
kompletament sabiex jibni lilu nnifsu bħala gvern alternattiv filwaqt li joffri
oppożizzjoni soda u fl-istess ħin kostruttiva. Partit Nazzjonalista li jeħtieġ
li jkun fi stat sabiex jibgħat messaġġ ċar; sabiex iwassal il-messaġġ tiegħu,
sabiex ikun sors ta’ tama fil-politika Maltija, sabiex ikun mill-ġdid sors ta’
ispirazzjoni u viżjoni. Dan kollu l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmlu biss
bl-isforz kolletiv ta’ kull wieħed u waħda minnha. Dan kollu l-Partit
Nazzjonalista jista’ jagħmlu billi nfittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li
jifridna. Dan kollu l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmlu jekk l-enerġija
tagħna nużawha fil-pożittiv u mhux fin-negattiv.
Is-Senatur Amerikan Cory Booker darba qal, “We don’t always have to agree, but we must
empower each other, we must find the common ground, we must build bridges
across our differences to pursue the common good”. Huwa mingħajr dubju ta’
xejn li l-interess nazzjonali li f’pajjiżna jkollna demokrazija normali għandu
jiġi qabel kull differenza li forsi tista’ b’xi mod tifridna. Huwa mingħajr
dubju li f’dan iż-żmien ta’ sfida hemm bżonn l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.
Huwa mingħajr dubju li permezz ta’ l-għaqda l-Partit Nazzjonalista jkun
f’posizzjoni li jwettaq d-dover tiegħu fl-aħjar interess nazzjonali bl-aktar
mod effettiv possibli.
No comments:
Post a Comment