Thursday, November 16, 2017

Dawk it-tradituri!


Il-kelma traditur dan l-aħħar tant saret komuni fid-dizzjunarju politiku Malti li anke politiċi Ewropej saru konxji mill-fatt li din il-kelma iebsa saret tintuża b’mod regolari. Meta takkuża lil xi ħadd bħala traditur ta’ pajjiżu tkun qiegħed takkużah b’wieħed mill-aktar rejati serji kontemplati fil-liġi. Tkun qiegħed takkużah b’reat li huwa mhux biss serju fil-liġi imma wkoll moralment xokkanti.

Imma xi jkun traditur? X’jagħmel lil xi ħadd traditur? Traditur huwa dak li jmur kontra pajjiżu fis-sens li jaħdem b’mod dirett kontra l-interess tal-pajjiż u l-poplu. Traditur huwa dak li bl-azzjoni tiegħu jpoġġi l-interess ta’ xi individwu jew pajjiż ieħor qabel dak ta’ pajjiżu stess. Traditur huwa dak li bl-azzjoni tiegħu, konxjament jagħmel ħsara lil pajjiżu u jibqa’ għaddej b’din il-ħsara sempliċiment għaliex qiegħed ipoġġi xi interess ieħor l-ewwel u qabel kollox. Tali tradiment huwa dejjem ħażin, iżda aktar u aktar meta jkun ġej minn uffiċjal pubbliku jew politiku, liema uffiċjal jew politiku huwa raġjonevolment mistenni li jaħdem favur l-interess nazzjonali.

Tiġi mbgħad il-mistoqsija allura, x’inhu l-interess nazzjonali? X’inhu dan l-interess li jekk xi ħadd imur direttament kontrih ikun qiegħed iwettaq reat hekk faħxi legalment u moralment? Huwa f’dan il-punt li fl-istorja politika dinjija nsibu tiżwiqa ta’ interpretazzjonijiet.

Huwa komuni li f’pajjiżi dittatorjali bħal Korea ta’ Fuq, iċ-Ċina, Kuba u oħrajn li tlissen opinjoni kontra l-President jew Prim Ministru tikkostitwixxi tradiment tal-pajjiż. F’dawn il-pajjiżi kullħadd huwa mistenni jbaxxi rasu mingħajr ebda mistoqsija u min ma’ jagħmilx hekk għandu jitqies bħala traditur. Huwa għalhekk komuni li min f’dawn il-pajjiżi jipprova jgħolli leħnu sabiex jitkellem dwar l-inġustizzji li jkunu għaddejin, il-korruzzjoni rampanti jew favur il-liberta’ tal-kelma u s-saltna tad-dritt jsib ruħu mixli bħala traditur u arrestat jew maqtul permezz ta’ piena kapitali.

F’pajjiżi demokratiċi minn naħa l-oħra, l-kritika dwar l-inġustizzji, d-difiża tal-liberta’ tal-kelma, d-difiża tas-saltna tad-dritt u l-ħidma kontra korruzzjoni rampanti huma mhux biss mhux meqjusa bħala att ta’ tradiment imma anzi huma meqjusa bħala forma ta’ ħidma favur l-interess nazzjonali. F’pajjiżi demokratiċi hemm linja ċara bejn l-interess politiku tal-partit fil-gvern u l-interess nazzjonali. F’pajjiżi demokratiċi huwa normali li ħidma favur id-demokrazija, favur is-saltna tad-dritt u kontra l-korruzzjoni titqies bħala ħidma fl-interess nazzjonali għaliex huwa meqjus li huwa fl-interess nazzjonali li f’pajjiż ikun hemm id-demokrazija, s-saltna tad-dritt u l-ġustizzja.

Is-sistema demokratika hija mibnija fuq il-pedament ta’ kritika kostruttiva. Is-sistema demokratika hija dipendenti fuq il-liberta’ ta’ l-espressjoni. Is-sistema demokratika hija dipendenti fuq is-saltna tad-dritt, fuq il-ġustizzja, fuq il-ġurnaliżmu investigattiv. Is-sistema demokratika hija dipendenti fuq l-abilta’ ta’ forzi politiċi u s-soċjeta’ ċivili li jwasslu l-kritika tagħhom u li jwettqu ħidma politika sabiex l-affarijiet imorru għal aħjar u jsiru u b’mod differenti.

Li wieħed jargumenta li tali ħidma tikkostitwixxi tradiment huwa għalhekk argument perikoluż ferm. Fejn ser tieqaf il-linja ta’ tradiment? Jekk jien nkun kritiku tal-gvern u nagħmel dan bl-Ingliż fuq l-internet fejn allura l-barranin jistaw jaraw il-kritika tiegħi nkun traditur ta’ pajjiżi? Bl-Ingliż ngħidulha a slipperi slope, jiġifieri triq perikoluża li jekk nibdew mixjin fiha ser nmorru l-isfel minflok il-fuq.

Huwa normali li fil-konfront ta’ kritika jkun hemm tweġiba. F’demokrazija l-kritika u t-tweġiba huma aspetti mill-aktar normali. Iżda li l-kelma traditur tintuża bħal li kieku xejn m’hu xejn huwa biss normali f’pajjiżi bħal Kuba, iċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq.

No comments:

Post a Comment