Friday, November 10, 2017

Storja ta’ oppożizzjoni ‘rrelevanti’


Dr Muscat, li kien qed iwieġeb intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bidu tas-seduta Parlamentari tal-lejla, qal li l-Gvern mill-ewwel iddikjara li s-sitwazzjoni hi gravi b’dak li ġara fil-pajjiż. Iżda l-Gvern ma qalx li l-budget huwa irrelevanti. “Anzi nappellalu to get a grip għax kif inhuma l-affarijiet mhux il-budget irrelevanti; l-Oppożizzjoni se ssir irrelevanti”.”

Is-silta li biha ftaħt dan l-artiklu mhijiex meħuda minn xi rapport ta’ In-Nazzjon jew Netnews.com.mt fejn forsi wieħed jista’ jargumenta li hemm interess partiġġjan li jista’ jwassal sabiex xi kwotazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat ttieħed barra mill-kuntest. Is-silta li biha ftaħt dan l-artiklu hija meħuda mill-portal ta’ One News fejn l-istess One News kien qiegħed jirraporta d-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament din il-ġimgħa.

Silta li bla dubju ta’ xejn għal kull min għandu għal qalbu d-demokrazija hija ta’ għajb. Ta’ għajb għaliex fiha l-Prim Ministru ma sab ebda diffikulta jiddikjara li għalih partit politiku li jirrapreżenta ftit inqas minn nofs il-parlament Malti u ftit inqas minn nofs l-elettoral li vvota fl-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 huwa rrelevanti.

Il-mistoqsija hawn toħroġ ċara; jekk għal Muscat l-oppożizzjoni hija rrelevanti, allura l-gvern huwa wieħed mingħajr ebda oppożizzjoni; gvern li jista’ jagħmel li jrid, x’ħin irid u ħadd ma’ jista jkellmu? Min jemmen fid-demokrazija ma’ jista’ qatt jara lill-oppożizzjoni bħala rrelevanti anke jekk forsi l-msemmija oppożizzjoni tkun għaddeja min żmien ta’ sfida fejn forsi f’termini elettorali huwa ċar li l-partit fil-gvern jinstab f’vantaġġ ċar.

Kemm kien ikun aħjar għad-demokrazija li kieku Joseph Muscat, minkejja li forsi l-oppożizzjoni vera qed tiffaċja mument ta’ sfida jibqa’ juri rispett sħiħ lejn ir-rwol vitali tal-oppożizzjoni f’demokrazija minflok ma’ jikxef idejh li għalih l-oppożizzjoni saret nullita. Kemm kien ikun aħjar għad-demokrazija li kieku Joseph Muscat wera li bħala bniedem demokratiku għalih huwa importanti li fil-pajjiż jibqa’ jkun hemm kontribut minn naħa ta’ l-oppożizzjoni.

Din l-attitudni xejn pożittiva ta’ Joseph Muscat tkompli tixhed aktar u aktar kemm għandu raġun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors qawwi li għamel fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Tkompli tixhed kemm huwa importanti li naħdmu lkoll flimkien, spalla ma’ spalla, niġbdu ħabel wieħed sabiex nġeddu l-Partit Nazzjonalista u nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista gvern alternattiv. Kemm huwa importanti li l-enerġija kollha tagħna tkun iffukata fuq l-interess nazzjonali, fuq il-futur ta’ pajjiżna, fuq kif ser nisfruttaw l-aqwa potenzjal ta’ din Malta tagħna. Kemm huwa importanti li nużaw l-enerġija b’mod pożittiv u mhux naħlu l-enerġija tagħna fuq kwistjonijiet ta’ natura sekondarja li għandhom jibqaw dejjem interni u qatt ma’ jsiru esterni jew personali.

Pajjiżna qiegħed isejħilna. Pajjiżna għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu li joffri oppożizzjoni kredibli u effettiva. Pajjiżna ma’ jistax ikollu Prim Ministru li jħossu tant invinċibbli li mingħajr ebda sens ta’ mistħija jmur fil-parlament jgħid li għalih l-oppożizzjoni hija rrelevanti. Li f’Malta l-gvern jirrispetta l-oppożizzjoni mhijiex xi battalja ta’ Nazzjonalisti kontra Laburisti jew viċi versa. Li f’Malta l-gvern jirrispetta l-oppożizzjoni hija fundamentali għad-demokrazija, rrispettivament minn liema partit jifforma l-gvern u liema partit jifforma l-oppożizzjoni.

No comments:

Post a Comment