Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista kienu mill-ġdid msejħa sabiex jagħmlu għażla. Din id-darba t-tesserati kienu msejħa jagħżlu żewġ Viċi Kapijiet ġodda għal Partit Nazzjonalista.
Qabel xejn ikun sewwa u ġust li wieħed jibda billi jrodd ħajr lil Beppe Fenech Adami u Mario De Marco li tul l-aħħar snin servew fil-kariga ta’ Viċi Kap. Bla dubju ta’ xejn ftit jista’ jkun hemm dubju dwar is-sens ta’ sagrifiċċju personali li mxew bih Beppe u Mario u s-sens ta’ dedikazzjoni assoluta li dejjem urew lejn il-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista. Għalkemm issa Beppe u Mario mhumiex ser iservu iżjed fil-kariga ta’ Viċi Kap għad fadlilhom ħafna x’joffru lil Partit Nazzjonalista.
It-tmiem ta’ Beppe u Mario mill-kariga ta’ Viċi Kap tfisser ukoll il-bidu tal-ħidma ta’ David Agius u Robert Arrigo fil-kariga ta’ Viċi Kap. F’dawn it-tnejn minn nies il-Partit Nazzjonalista għandu potenzjal kbir.
David Agius għandu kwalitajiet mill-aqwa fis-sens li jlaqqa’ f’persuna waħda l-abilta’ teknika fit-tħaddim tal-‘logħba’ parlamentari u abilta’ ċara fil-kommunikazzjoni, mhux biss kommunikazzjoni fis-sens tal-mass media imma anke fuq livell personali. Kwalitajiet li bla dubju ta’ xejn ser jgħinu lil David Agius sabiex ikun ta’ spalla għal Kap tal-Partit Adrian Delia kemm fil-ħidma parlamentari tal-Partit, li bla dubju ta’ xejn dejjem hi waħda kumplessa; kif ukoll fil-ħidma tal-partit sabiex il-partit ikun tassew qrib in-nies u fost in-nies. Għandi fiduċja sħiħa, li kif dejjem għamel fil-passat David Agius ser ikompli jkun xhieda ta’ servizz leali lejn il-pajjiż u l-partit.
Minn naħa l-oħra f’Robert Arrigo l-Partit Nazzjonalista għandu persuna bi kwalitajiet organizzativi mill-aqwa. Persuna li fih tispikka l-enerġija, l-ħeġġa u l-idejat ġodda ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jkompli jieħu l-ħajja. Persuna li l-ħidma politika tiegħu hija karaterizzata minn elettorat fid-disgħa u l-għaxar distrett li jsib f’Robert Arrigo mhux biss politiku denju imma ħabib u spalla li dejjem lest li jgħin. Il-kwalitajiet organizzattivi ta’ Robert Arrigo magħquda ma’ din l-abilta’ li jkun qrib in-nies u ta’ spalla għan-nies huma ċertament kwalitajiet li ser jagħmlu minn Robert Arrigo sisien importanti għal Partit Nazzjonalista u għal Kap tal-Partit Adrian Delia. Fuq kollox ser jagħmlu minn Robert Arrigo persuna li ser ikun strumentali fit-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista; xi ħaġa li bla dubju ta’ xejn hija fl-aqwa interess nazzjonali.
Ikun żball jekk ninsew li f’din it-tellieqa kien hemm żewġ kontestanti oħra. Ikun żball jekk ma nurux apprezzament lejn Edwin Vassallo u l-Perit Toni Bezzina. F’Edwin Vassallo u l-Perit Toni Bezzina l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ politiċi ġenwini li motivati mill-ġenwinita’ tagħhom offrew li jkunu ta’ servizz. Żewġ politiċi li għalkemm l-elettorat ma’ sejħilhomx sabiex iservu bħala Viċi Kap bla dubju ta’ xejn għandhom ħafna ħidma x’joffru lil Partit Nazzjonalista u għandu jkun aċċertat li t-tnejn jingħataw spazju sħiħ sabiex il-potenzjal tagħhom jintuża bl-aħjar mod possibli. Fuq kollox huma żewġ politiċi li wkoll bil-ħidma attivta’ tagħhom għandu ħafna x’jiggwadanja l-pajjiż u l-partit.
Prosit!
Ngħalaq billi ngħati l-awguri tiegħi lil dawk kollha li f’dawn il-jiem qegħdin jiggradwaw. Awguri u prosit talli l-ħidma tagħhom qegħda tgħati l-frott. Bla dubju ta’ xejn fuq nota personali ħafna ngħati l-awguri lil Charlene li din il-ġimgħa gradwat fil-kors tal-liġi. Prosit Charlene...kburi bik!
-->
No comments:
Post a Comment